Wednesday, July 24, 2024

“Lesta li nkompli naħdem f’isem iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin … u f’isem iż-żgħażagħ Ewropej”

- Chloë Cauchi

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, l-istudenta tal-liġi Għawdxija Chloë Cauchi, ta’ 21 sena, saret l-ewwel mara Maltija li ġiet eletta membru tal-bord tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej.

B’aktar minn 100 organizzazzjoni membru fl-Forum, inkluż il-KNŻ ta’ Malta, l-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej huwa l-akbar organizzazzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja ddedikata għall-integrazzjoni Ewropea u għall-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

Il-KNŻ kellu sehem imporanti f’diversi inizjattivi li kkonċernaw it-tibdil fil-klima, drittijiet taż-żgħażagħ bħal Vot 16, European Youth Test, u l-projbizzjoni ta’ apprendistati bla ħlas.

Madankollu, l-elezzjoni ta’ Chloë timmarka l-ewwel waħda storika għal Malta u l-KNŻ, biż-żagħżugħa Għawdxija se tkun l-ewwel rappreżentant femminili Maltija li ngħaqdet mal-bord.

Din mhix l-ewwel esperjenza ta’ Chloë bil-promozzjoni taż-żgħażagħ u li tirrappreżenta lill-gżira żgħira tagħna fix-xena internazzjonali. Fil-fatt, il-mandat tagħha bħala membru tal-bord tal-KNŻ għal aktar minn tliet snin u r-rwol preċedenti tagħha bħala president tal-MaltMUN tawha numru ta’ opportunitajiet barra minn Malta.

Dan is-sit tkellem ma’ Chloë nnifisha fejn tatna iktar dettalji rigward dan kollu.

Min hi Chloë Cauchi?

Chloë Cauchi hija studenta tar-raba’ sena fil-kors tal-liġi. Għandha 21 sena u ilha attiva fil-qasam tal-attiviżmu għal dawn l-aħħar għaxar snin. Għandha passjoni lejn l-ambjent, id-drittijiet umani u r-rappreżentazzjoni taż-żgħażagħ u għalhekk għal dawn l-aħħar erba’ snin iffurmat parti mil-eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kif ukoll f’diversi għaqdiet oħra bħal Malta Model United Nations (MaltMUN). Is-sena l-oħra ġiet inawgurata it-titlu ta’ JCI Europe Public Speaking Champion u bħala persuna li trabbiet bil-valuri li tagħti lura lill-kommunita’, illum hi toffri korsijiet għal għaqdiet non-governattivi u għaqdiet studenteski fuq dibattitu u d-diskors pubbliku. Temmen li hija “work in progress” u għalhekk dejjem tfittex opportunitajiet kemm fil-ħajja personali u kemm dik professjonali biex ittejjeb lilha nnifisha.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Uffiċjal Internazzjonali tal-KNZ.

Bħala l-Uffiċjal Internazzjonali tal-Kunsill, Chloë hija d-delegat uffiċjali għall-European Youth Forum (YFJ) fejn tirrapreżenta ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f’avvenimenti uffiċjali tal-għaqda. L-irwol tagħha jestendi ukoll f’konferenzi tal-Ġnus Magħquda, l-Kunsill tal-Ewropa, u konferenzi tal-Unjoni Ewropea speċjalment dis-sena fuq it-tema tal- elezzjonijiet Ewropej. Wieħed mill-irwoli primarji tagħha huwa li tgħaqqad ix-xogħol li qed isir f’livell nazzjonali mal-internazzjonali. Madankollu, minħabba s-snin twal t’esperjenza t’attiviżmu fil-qasam ambjentali, Chloë hija responsabbli ghad-Direttorat tal-Ambjent tal-KNŻ.

X’tikkummenta fuq il-fatt li int l-ewwel Maltija li ġejt eletta fil-European Youth Forum?

Huwa unur kbir għalija li jien l-ewwel mara Maltija u Għawdxija eletta għall-bord tal-European Youth Forum. L-importanza tar-repreżentazzjoni f’livell internazzjonali huwa t’aktar importanza meta nikkunsidraw iċ-ċokon ta’ pajjiżna, il- fatt li aħna pajjiż magħmul minn gżejjer u li għandna diversi ostakkli uniċi li pajjiżi oħra ma jesperjenzawx.

Kif qed tħares lejn din il-kariga?

Eċċitata mmens u lesta li nkompli naħdem f’isem iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u din id-darba f’isem iż-żgħażagħ Ewropej. Hija esperjenza sabiħa li jkollok l-opportunita li taħdem b’mod dirett ma daqshekk zgħażagħ differenti b’mod Ewropej.

X’sehem għandhom iż-żgħażagħ fis-soċjetà Maltija?

F’Malta il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħadem ħafna biex il-vuċi taż-żgħażagħ jingħata aktar importanza u aktar opportunitajiet. Naraw diversi proġetti u bords fejn iż-żgħażagħ huma vokali u jfehmu r-realta’ tagħhom. Madanakollu, fadal aktat x’isir, kemm b’mod lokali u reġjonali bħal it-twaqqif tal- Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ madwar Malta u Għawdex kif ukoll billi ninkludu iż-żgħażagħ b’mod dirett fil-pjattaformi nazzjonali fejn jittieħdu deċiżjonijiet li jaffetwaw iż-żgħażagħ.

U fl-Ewropa?

F’livell Ewropew aħna nkomplu naħdmu biex il-vot16 jiġi implementat f’aktar pajjiżi, ikollna youth test fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa anke mhux ġol-Unjoni Ewropea u li nkomplu naħdmu fuq il-kampanja tagħna għad-drittijiet taż-żgħażagħ bħal “banning unpaid internships.” Iż-żgħażagħ huma organu kbir fis-soċjeta’ tagħna li kapaċi jġibu ħafna bidla u b’kemm mod Ewropej kif ukoll b’mod nazzjonali rridu nemmnu fiż-żgħażagħ u ninkorraġġuhom kemm bis-sapport tagħna iżda anke bir-riżorsi li nistgħu noffru.

Kif tarak minn hawn u 10 snin oħra?

Diffiċli nirrispondi mistoqsija bħal din għax it-tweġiba faċli hija ‘ma nafx’. Nemmen li s’għaxar snin oħra ha jkelli diversi rwoli differenti kemm b’mod professjonali kif ukoll volontarju. Nispera li nkun għadni attiva f’dan is-settur speċjalment fil-qasam ambjentali u nissalvagwardja d-drittijiet umani. Iżda il-propja tweġiba hija li nispera li f’kull irwol li jkolli kemm professjonali kif ukoll personali, inkun kuntenta u nkun qed naħdem għal interess tan-nies ta’ madwari.

Għaddi messaġġ finali liż-żgħażagħ kollha li qed jaqraw din l-intervista.

Aħdmu fuq il-passjoni tagħkom, sibu għaqdiet li jaħdmu fuq l-affarijiet li temmnu fihom intom u tħaddnu magħhom. Emmnu fikom nfuskom, għax kemm il-darba niġu f’konverżazzjonijiet li iż-żgħażagħ m’humiex qed jingħataw il-ħin jew il-post xieraq biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq kwalunwke suġġett, allura nibqa’ nħeġġeġ lil sħabi biex jpersistu u jkomplu jaħdmu għall-interess taż-żgħażagħ!

Ekonomija

Sport