Monday, November 11, 2024

“Li anzjan joħroġ minn San Vinċenz matul il-lejl u ma jirritornax hu każ li ma jistax jiġi injorat”

Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-MUMN aktar kmieni, il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva reġa’ saħaq li l-każ ta’ Karmenu Fino ma jistax jiġi injorat. Filwaqt li għal darb’oħra tenna li japprezza u jirrispetta l-isforzi tal-MUMN li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-interessi tal-membri tagħha, saħaq mill-ġdid li dan il-każ jitratta anzjan li ħareġ minn San Vinċenz De Paul matul il-lejl, bil-konsegwenza li ma rritornax.

“Minflok, l-obbligu kien li jkunu stabbiliti l-fatti u jsiru rakkomandazzjonijiet bil-għan li tonqos il-possibbiltà li każijiet bħal dawn jirrepetu ruħhom. Biex dan sar tmexxiet inkjesta interna indipendenti mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia. Altru  milli “frame-up”, kif l-uffiċjali għolja tal-MUMN allegaw fl-aħħar sigħat, f’allegazzjoni li mhux biss tiġi miċħuda bl-ikbar qawwa iżda li ma tagħmel ebda ġieħ lil min jagħmilha.”

Il-ministeru fakkar ukoll li fuq ordni tal-MUMN diġà daħlu direttivi li jolqtu pazjenti/residenti anzjani li ma jixirqilhomx li jintużaw b’dan il-mod. Quddiem dan kollu l-ministeru tenna li se jkompli jaġixxi b’mod denju, korrett, demokratiku u trasparenti. Dan b’rispett lejn il-pazjenti u l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema li jwettqu xogħolhom b’imħabba u b’dedikazzjoni, fosthom l-istess membri tal-MUMN. Għalhekk l-appell jibqa’ biex kulħadd jaġixxi b’responsabbiltà.

Sport