Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Minn etá żgħira dejjem kont attiva u l-attivita` fiżika dejjem kienet parti importanti minn ħajti. Wara li temmejt l-istudji tiegħi, bdejt infittex xi ħaġa aktar strutturata li tgħaqqad l-istil ta’ ħajja attiva ma’ spirtu kompetittiv. Kollega tiegħi kienet semmietli l-Hyrox, u hekk kif rajt l- atleti jikkompetu fil-Jungle Box X Warehouse X Garmin Challenge, f’Settembru tal-2023, kont mill-ewwel intrigata u ħassejt l-ispirazzjoni biex nippruvah.
X’unuri maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
L-ewwel kompetizzjoni tiegħi kienet f’Novembru tal-2023 f’Madrid fi Spanja, fejn ħadt sehem fil-kategorija women’s doubles. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħi f’kompetizzjoni tal-Hyrox u tatni spinta kbira biex inkompli nsaħħaħ ruħi f’dan l-isport. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ħadt sehem f’kategoriji oħra, inklużi s- Singles u l-Mixed doubles.
Fost il-kisbiet riċenti tiegħi hemm, il-parteċipazzjoni fil-kategorija Pro Singles f’Malaga; ir-riżultat ta’ inqas minn siegħa fil-Mixed Doubles ma’ Mark Caruana; u r-riżultat tat-tieni post fl-Age Group flimkien ma’ Raissa Camilleri fil-Women’s Doubles, f’Turin. Dawn ir-riżultati wassluna biex nikwalifikaw għall-World Championships tal-Hyrox; pass kbir għal kull atleta f’dan il-vjaġġ.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Fuq livell internazzjonali, il-Hyrox qed jevolvi b’pass mgħaġġel ħafna. Qed naraw atleti ta’ livell għoli jkomplu jimbuttaw lil xulxin, joħorġu aktar mill-potenzjal tagħhom, u jgħollu l-standard f’kull kompetizzjoni. Malta miexja fuq din l-istess mewġa. Il-livell tal-atleti Maltin qieħed dejjem jitjieb b’mod konsistenti minn tellieqa għall-oħra, bil-prestazzjonijiet isiru aktar b’saħħithom u kompetittivi. Il-Maltin mhux biss qed nipparteċipaw, imma qed nibdew nħallu marka fuq livell internazzjonali.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
It-taħriġ tiegħi nagħmlu ma’ Jungle Box, u dan kien element kruċjali fil-progress u s-suċċess tiegħi. Il-kwalità ta’ dedikazzjoni mill-kowċis u t-tim kollu hija tassew eċċezzjonali. Il-klabb kontinwament jinvesti f’faċilitajiet aħjar, programmi strutturati u opportunitajiet għal kull atleta, kemm għal min għadu jibda, kif ukoll għal min hu avvanzat. JungleBox huwa wkoll wieħed mill-organizzaturi ewlenin tal-Jungle Box X Warehouse X Garmin Challenge, u kull sena jippreparaw avveniment ta’ livell għoli li qiegħed dejjem jikber. Il-professjonalità u l-impenn tagħhom huwa tassew ta’ min jammirahom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox? Naf li fost oħrajn flimkien ma’ Mark Caruana, se tkun qed tieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali tal-Hyrox bejn it-13 u l-15 ta’ dan ix-xahar f’Chicago fl-Istati Uniti. Agħtina iktar dettalji.
Bħalissa l-fokus ewlieni tiegħi hu l-Kampjonati Mondjali li se jsiru f’Chicago iktar tard matul dan ix-xahar. Se nkun qed nikkompeti flimkien ma’ Mark Caruana fil-Mixed Doubles fl-14 ta’ Ġunju, u l-għada, fil-15 ta’ Ġunju, se nerġa’ nikkompeti flimkien ma’ Raissa Camilleri fil-Women’s Pro Doubles. Huwa unur kbir li ksibna l-kwalifika għal dawn it-tlielaq u li se nkunu qed nirrapreżentaw lil Malta f’dan il-livell prestiġjuż. Li jkollok iċ-ċans tikkompeti ma’ atleti minn madwar id-dinja hija verament ħolma li saret realtà. It-tħejjija għal dan l-avveniment tinkludi ħafna impenn; taħriġ intensiv, nutrizzjoni, mistrieħ addattat, u dixxiplina mentali. Wara l-Kampjonati, l-għan tiegħi hu li nkompli nitjieb; inħares ‘il quddiem lejn sfidi ġodda u nilħaq għanijiet ġodda.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Dan hu ż-żmien perfett għal kull min jixtieq jibda l-vjaġġ tiegħu fil-Hyrox. Huwa sport li qiegħed jikber b’rata mgħaġġla u li għandu komunità globali mimlija passjoni. L-isbaħ ħaġa dwar il-Hyrox hi li hu għal kulħadd, kemm jekk tippratikkaħ għall-gost, bħala atleta ta’ kuljum, jew xi ħadd li jixtieq jisfida lilu nnifsu fl- livel għoli. L-ebda età, ġeneru, jew kapaċitá, m’għandha tkun limitazzjoni għax hemm kategorija għal kulħadd. Huwa sport funzjonali li jibni saħħa għal ħajjtek, u fl-istess waqt, joffri pjattaforma kompetittiva internazzjonali għal dawk li jridu jisfidaw lilhom infushom u jikkompetu ma’ wħud mill-aqwa atleti fid-dinja.
Jekk għandek ix-xewqa; kulma trid tagħmel hu li tibda!