Friday, July 18, 2025

“Li rbaħt l-unur ta’ ‘Police Officer of the Year’ hu wieħed mill-ikbar unuri li qatt irċevejt fil-karriera tiegħi” – PC Christine Penza

Aqra wkoll

Kif ġietek il-ħajra li tidħol Pulizija?

Minn meta kont żgħira kont dejjem nħossni affaxxinata bir-rwol tal-Pulizija fis-soċjetà. Maż-żmien xhin kbirt, ta’ 18-il sena xtaqt nissieħeb mal-korp tal-Pulizija u għalhekk applikajt u ntgħażilt u kif ukoll ftit wara bdejt ir-reklutaġġ. Aktar ma tgħallimt dwar ix-xogħol fil-Korp, aktar bdejt ninduna kemm hu varjat u importanti. Naf li mhux xogħol faċli, imma hu wieħed li jagħti sodisfazzjon kbir speċjalment meta tkun tista’ tagħmel differenza f’ħajjet xi ħadd.

X’inhuma r-responsabbiltajiiet tieghek f’dan ir-rwol?

Għal dwan l-aħħar sentejn, jien ġejt stazzjonata fis-sezzjoni tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Dan ir-rwol hu delikat ħafna u jinvolvi ħafna responsabbiltà, speċjalment meta jkollok quddiemek nies li għaddejjin minn mumenti diffiċli ħafna. Nieħu l-ewwel rapport mingħandhom, nismagħhom b’sensittività, u nassigura li jkollhom l-għajnuna kollha. 

X’tikkummenta fuq l-unur riċenti ferm prestiġjuż li rbaħt tal-‘Police Officer of the Year’ u x’fisser għalik personali? 

Li rbaħt l-unur ta’ Police Officer of the Year hu wieħed mill-ikbar unuri li qatt irċevejt fil-karriera tiegħi, tul dawn id-disa’ snin bħala membru fil-korp. Għalija personali jfisser ħafna, mhux biss bħala rikonoxximent tax-xogħol tiegħi, imma wkoll bħala motivazzjoni biex inkompli nagħti l-aħjar tiegħi. Dan l-unur jirrifletti wkoll fuq it-tim kollu li nahdem mieghu fis-sezzjoni tal-Vjolenza Domestika, fejn il-ħidma tagħna hija sensittiva imma essenzjali.

X’kienet il-ħidma sinjifikanti tiegħek biex finalment irbaħt dan l-unur?

Il-ħidma tiegħi fis-sezzjoni tal-Vjolenza Domestika ħalliet impatt qawwi fuqi, għax kuljum qed niltaqa’ ma’ nies li verament għaddejjin minn tbatija. Dejjem tajt mill-aħjar tiegħi biex nisma’ u nifhem. Hemm każijiet li jibqgħu miegħek għal ħajtek. Qatt ma stennejt xejn lura, għax għalija dan hu xogħol normali li ngħinu lil min għandu bżonn u ovvjament li l-persuna tkun protetta kemm jista’ jkun. 

Kif jilqgħukom in-nies hemm barra bħala Pulizija?

B’mod ġenerali, ħafna nies jilqgħuna b’rispett u gratitudni, speċjalment meta jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u jkunu jixtiequ li xi hadd jghinom u kif ukoll jifimhom minn dak li jkunu għaddejjin. 

Intom li tant tkunu viċin tan-nies, kif tarawha is-socjetá Maltija hemm barra u kemm inbidlet tul is-snin?

Is-soċjetà Maltija nbidlet ħafna, illum in-nies huma iktar infurmati u miftuħa biex jitkellmu fuq problemi li qabel kienu tabù, bħall-vjolenza domestika. 

Għaddi messagg finali lil min jixtieq isir Pulizija.

Lil min jixtieq jagħmel parti mil-Korp tal-Pulizija, ngħidlu mur għalih b’qalbek kollha. Mhux xogħol faċli, imma hu xogħol ta’ valur u sodisfazzjon kbir! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport