Thursday, April 18, 2024

“Li tieħu ħsieb saħħtek huwa l-akbar investiment li qed tagħmel għalik innifsek”

Ryan Mex, atleta li jikkompeti fl-OCR

Aqra wkoll

Ryan Farrugia, magħruf aħjar bħala Ryan Mex, hu atleta li jikkompeti fl-OCR (Obstacle Course Racing). Hu magħruf għall-isfidi li ħa sehem fihom kif ukoll jaħdem qatigħ permezz ta’ ħafna taħriġ sabiex ġismu jkun lest għal dak li jmiss.

Bħala atleta hu ġab unur mhux biss għalih innifsu iżda wkoll għal pajjiżu. Hu ħa sehem f’diversi tlielaq b’ostakli partikolari f’dawn l-aħħar ħames snin. Fil-fatt hu sar l-ewwel atleta Malti li kkwalifika u pparteċipa fl-Ispartan World Championship u rebaħ il-Gozo Ultra 50K fl-2020, l-Ispartans Orte 14K kif ukoll il-Grid lokali għal sitt darbiet wara xulxin. Ftit tax-xhur ilu hu anke ħa sehem fis-Super Distance tat-12-il kilometru li kkonsistiet f’rotta ta’ 12-il kilometru li kienu jinkludu 25 ostaklu.

Talk.mt tkellem ma’ Ryan dwar diversi aspetti minn dan l-isport u s-sodisfazzjon li jieħu waqt li jipparteċipa f’diversi avvenimenti ta’ sfida.

Bdejna billi saqsejnih minn fejn ġie l-laqam Ryan Mex.

“Kollox seħħ ta’ bla ħsieb meta snin ilu fuq il-profil tiegħi ta’ Facebook kont ktibt dan l-isem anke biex ma nikxifx għalkollox l-identita’ tiegħi. Dak iż-żmien kelli karozza li parti minnha kellha l-istess isem. Kien għalhekk li għoġobni u użajt dan il-laqam li għadu miegħi sal-lum il-ġurnata. Fil-fatt in-nies aktar jafuni bħala Ryan Mex milli bħala Ryan Farrugia.”

Tkellimna ma’ Ryan dwar is-seba’ rebħiet li rnexxielu jikseb kemm ilu jikkompeti fl-OCR. Hu jgħid li jkun ferm sodisfatt meta jkun għamel dawk is-sagrifiċċji kollha u fl-aħħar mill-aħħar jieħu l-premju tant mistenni. Hu xtaq li jagħmel xi rebħiet konsekuttivi iżda fi sfida minnhom kien Zack Farrugia li b’metru ta’ differenza kiseb is-suċċess u wasal fl-ewwel post. Tiskanta kemm dak il-metru jiswa mhux ftit iżda Ryan jgħid li dejjem hemm x’titgħallem meta int ma tasalx għall-objettivi tiegħek.

“Dak ifisser li trid taħdem aktar. Jien nara fejn stajt mort ħażin u nieħu kollox bħala lezzjoni sabiex darb’oħra nkun aħjar. 

Ryan Mex jgħid li fuq livell lokali din id-dixxiplina estrema qed tiżdied mhux biss fil-popolarita’ tagħha iżda anke fil-kalibru tal-atleti. L-aħħar grids xejn ma kienu faċli għax kien hemm kompetizzjoni kbira u dan kollu hu xhieda li l-isport qed jikber sew f’pajjiżna.

“Meta tara li hemm influss ta’ atleti Maltin li qed jaqbdu dan l-isport, tinduna kemm l-OCR qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla. Illum hawn iktar kowċis li qed iħarrġu lill-atleti u fuq kollox anke sponsors qed jitħajru jippruvaw jgħinuhom.”

“B’xorti tajba resqin lejn punt fejn jista’ jkollna aktar atleti professjonali u dan hu sinjal tajjeb.”

Ryan Farrugia iddeċieda li jitlaq ix-xogħol proprja tiegħu f’korporazzjoni partikolari sabiex jiddedika ħajtu għall-OCR. Saqsejnih jekk sabhiex diffiċli li jaqleb dan ix-xogħol u fuq kollox kemm hi diffiċli li jkollok xogħol full-time fuq l-isport.

“Biex ngħidlek il-verita’ kont ili ntella’ u nniżżel x’għandi nagħmel. Sa ftit tal-ġranet ilu, kont għadni naħdem fil-korporazzjoni iżda bdejt nara li stajt nagħti aktar lill-isport u għalhekk ridt nagħżel. Għażilt l-aħħar possibbilta’ u s’issa mhux jiddispjaċini.”

“Bla dubju li xejn m’hu faċli li tagħmel karriera fl-isport u fl-istess ħin taqla’ l-flus. Madankollu nista’ ngħid li kelli transizzjoni normali bejn tmiem ix-xogħol fil-korporazzjoni għal dak li komplejt fl-OCR.”

“Minkejja kollox, l-OCR fetaħli ħafna opportunitajiet li lanqas biss kont qed nobsor li se jkolli. Illum il-ġurnata għandi l-klassijiet tiegħi u għandi atleti li huma lesti sabiex jitgħallmu dejjem aktar. Il-grupp dejjem qed narah jikber u dan kollu jawgura tajjeb għall-futur mhux biss tal-karriera tiegħi iżda anke tal-isport innifsu.”

Iżda persuna oħra kapaċi taqla’ x’tiekol bl-isport biss? Hu jgħidilna li mhux faċli dan kollu speċjalment għax bħala bniedem trid taħdem qatigħ sabiex taqla’ lira. Bħal kull negozju jew persuna li taħdem għal rasha, jaf jiġik xahar tajjeb iżda mbagħad jista’ jkollok xahar ħażin finanzjarjament.

“Jien personalment nipprova noħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ. Bħala atleta jien irrid nitħarreġ qatigħ jekk dejjem irrid nikseb riżultati tajbin. Madankollu hemm ukoll l-element tal-mistrieħ li hu ferm importanti sabiex iġġib dik l-enerġija lura. Għalhekk il-bilanċ hu ferm importanti.”

Iżda Ryan kif jaraha l-mentalita’ sportiva f’pajjiżna? Hu jwieġeb billi jgħid li mhux xi ħaġa faċli li jagħti risposta ċara hekk kif hu għandu quddiemu atleti li verament iridu jitgħallmu aktar u jimirħu f’dan l-isport. Madankollu hu sostna li llum il-ġurnata hawn aktar kuxjenza dwar l-importanza li jkollok ġisem aħjar u li wieħed irid jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Hawn iktar għarfien ukoll dwar l-ikel li importanti li jittiekel u hawn ġenituri li jagħtu lill-uliedhom ikel nutrittiv. Madankollu hawn ukoll ħafna nies li din isibuha bħala sfida.

U hawn Ryan Farrugia jagħlaq b’appell importanti.

“Illum il-ġurnata nafu kemm hu importanti li nieħdu ħsieb saħħitna u nibżgħu għal ġisimna. Jien nappella ħaġa waħda. Importanti li tinvesti aktar f’attivitajiet li mhux neċessarjament ikunu sportivi iżda li jinvolvu moviment. Niddedikaw ħafna ħin, anzi żżejjed għax-xogħol tant li ħafna nies bilkemm isibu ċans għall-eżerċizzju. Mhux ta’ b’xejn li għandna problema tal-obeżita’ f’pajjiżna.”

“Għalhekk l-appell huwa wieħed. Meta int tieħu ħsieb saħħtek, dan hu l-aqwa investiment li qed tagħmel għalik innifsek. Sib attivita’ li ttik sodisfazzjoni. Tista’ tkun logħba padel, logħba futbol bejn il-ħbieb, xi mixja sabiex ħdejn il-baħar jew fil-kampanja. Issa li ġej is-sajf tista’ tieħu xi għawma tajba, anke għax pajjiżna hu mdawwar bil-baħar. Tkun xi tkun, l-importanti li tiċċaqlaq ftit u tieħu brejk mill-istress li taf toffri din il-ħajja.”

“Fl-aħħar mill-aħħar meta int tkun qed tipprattika xi attivitá sportiva, tħoss sens ta’ sodisfazzjoni kbir. Mela taqtax qalbek, agħmel l-ewwel pass u kollox jiġi waħdu!”

Ekonomija

Sport