Friday, December 20, 2024

LI TINTALAB L-GĦAJNUNA HIJA REBĦA, MHUX TELFA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kompliet titkattar l-importanza li persuni li jkunu għaddejjin minn xi problemi f’ħajjithom, ifittxu l-għajnuna. Suġġett delikat li smajna bosta dwaru anki riċentament, b’mod partikolari fuq il-mezzi tal-midja soċjali, huwa s-suwiċidju – fenomenu li sfortunatament kien u għadu jeżisti.

Fortunatament, mal-medda taż-żmien sar progress enormi f’dawk li huma servizzi sabiex jgħinu persuni li forsi f’perjodu partikolari f’ħajjithom ikunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet kemxejn diffiċli. Għalhekk, li tfittex l-għajnuna mhix xi ħaġa tal-mistħija, irrispettivament mis-sess jew l-età tal-persuna. Aktar ma’ għadda ż-żmien, dejjem baqa’ jitkattar l-għarfien dwar dan is-suġġett u fejn persuni għandhom jirrikorru meta jiġu bżonn l-għajnuna. Hawnhekk ma nistgħux ma nirrimarkawx li s-servizzi qegħdin hemm il-ħin kollu, saħansitra 24 siegħa kuljum permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni.

Hawnhekk tajjeb li kulħadd jiftakar ukoll l-importanza u l-irwol li għandna aħna stess bħala soċjetà inġenerali f’dan kollu. Apparti dawn is-servizzi professjonali offruti mill-istat u minn xi għaqdiet oħra mhux governattivi, aħna wkoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna f’dan kollu, u li forsi diġà hawn bosta minna li qed jipprattikaw u jmexxu bl-eżempju.

Dan billi l-ewwel u qabelxejn, irrispettivament minn jekk persuna tidhirx li għandha xi problemi jew jekk hix għaddejja minn sitwazzjonijiet diffiċli, għandna nkunu sensittivi f’dak li ngħidu, għaliex hawn persuni li għalkemm forsi jidhru li qatt ma jinkwetaw jew li huma kuntenti, fil-verità jkunu qed jippruvaw jaħbu dak li għaddejjin minnu. Dan jagħmluh għal diversi raġunijiet, fosthom biex ma jinkwetawx lil ta’ madwarhom, jew inkella għax ma jkunux jistgħu jaċċettaw ir-realtà li jkunu jinsabu fiha.

Metodu ieħor li permezz tiegħu nistgħu nkomplu nagħtu sehemna bih lejn is-soċjetà huwa li kemm jista’ jkun inżommu rapport fuq bażi regolari ma’ dawk qrib tagħna u nkunu ta’ wens għalihom, anki b’sempliċiment telefonata jew messaġġ li fih naqsmu kliem illi permezz tiegħu nuruhom kemm tassew huma importanti f’ħajjitna u li napprezzaw ir-relazzjoni li għandna magħhom.

F’dan kollu, il-messaġġ aħħari huwa dak li kull persuna li tkun għaddejja minn problemi tittrawwem u tidra temmen fiha nnifisha; temmen li għalkemm xi drabi l-maltemp idum iżjed minn dak mistenni, tibqa’ xorta l-opportunità li titfaċċa l-qawsalla.

Ekonomija

Sport