Wednesday, June 4, 2025

Li tirbaħ jew tipplejsja ikun qed joħroġ ir-riżultat tas-sagrifiċċju li nagħmel maż-żwiemel – Laura Frendo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-tiġrijiet taż-żwiemel?

L-imħabba tiegħi bdiet minn meta kont żgħira. Iż-żwiemel huma tal-familja allura qisni kbirt magħhom.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Bħala suċċessi sa issa rbaħt ħamsa fil-korsa fit-tiġrijiet uffiċjali, tlieta fil-korsa imma ma’ tas-Sibtijiet, waħda fil-korsa ta’ Għawdex u rbaħt ukoll l-ewwel trip u Challenge Cup fit-triq taż-Zurrieq. Il-ħames rebħiet fit-tiġrijiet uffiċjali rbaħthom tnejn Hermes du Pressoir fi klassi Silver 1, Hawai Turgot fil-klassi Bronze 1, Deep Pockets fil- klassi Gold 1 u Fitzy de Vive fil-klassi Premier 

F’tas-Sibtijiet irbaħt 2 Vencedor fi klassi Premier u 1 Hawai Turgot fi klassi Bronze. 

Tat-triq taż-Zurrieq irbaħt l-ewwel trip u Challenge Cup biż-żiemel Argo Lux.

L-ewwel rebħa kienet fl-24 ta’ Settembru tal-2023 biż-żiemel Vencedor.

L-ewwel tiġrija li soqt fit-tiġrijiet uffiċjali kienet lura fl-1 ta’ Ottubru tal-2023.


Kif tqis il-livell tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’pajjiżna fil-preżent? U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Għalkemm aħna pajjiż żgħir, bħala livell huwa tajjeb u bħala riżorsi għall-ammont kbir ta’ żwiemel li jitħarrgu kuljum fil-korsa hija tajba ħafna. Ikun hemm mumenti fejn insibu l-art ftit iebsa imma l-ħaddiema tal-korsa jagħmlu minn kollox biex jassiguraw li tkun tajba għaż-żwiemel.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-tiġrijiet taż-żwiemel?

Fil-futur, nixtieq li jkolli esperjenza li nsuq fil-korsa ta’ Vincennes. Hija l-ħolma ta’ kull ġerrej taż-żwiemel li jsuq hemm għax hija waħda mill-akbar koros ġo Franza.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-tiġrijiet taż-żwiemel.

Bħala messaġġ lil min jixtieq jibda din il-karriera nixtieq ngħid li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu speċjalment jekk tkun mara għax għalkemm f’dan l-isport il-maġġoranza tas-sewwieqa huma rġiel dan m’għandux iżommok lura. Jiena sodisfatta ħafna speċjalment wara ġimgħat u ħin ta’ dedikazzjoni li nagħmel maż-żwiemel għax li tirbaħ jew tipplejsja ikun qed joħroġ ir-riżultat tas-sagrifiċċju li nagħmel magħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport