Dan l-aħħar qed inkunu aktar konxji dwar kif is-saħħa mentali u dik fiżika huma żewġ pilastri essenzjali għall-ġid tal-individwu u tas-soċjetà b’mod ġenerali. Għalkemm ħafna drabi tingħata aktar importanza lis-saħħa fiżika, illum il-ġurnata qed nagħrfu li saħħa mentali b’saħħitha hija daqstant importanti, u jinħass ukoll il-fatt li s-saħħa fiżika u s-saħħa mentali jmorru ma’ xulxin, jistgħu jaqbdu saħansitra id f’id għall-ġid tal-individwu biex jagħmluh komplet u sħiħ.
Dan għaliex persuna b’saħħa mentali stabbli tkun kapaċi tlaħħaq aħjar ma’ sfidi ta’ kuljum li toffri l-ħajja, tibni relazzjonijiet tajbin mal-oħrajn fis-soċjetà u tkun aktar produttiva. Fl-istess ħin, l-attività fiżika tgħin mhux biss biex inżommu ġisimna f’saħħtu, imma wkoll biex ittejjeb il-burdata u tnaqqas l-istress. Għalhekk, il-Gvern Malti nieda inċentiv li jmur f’din id-direzzjoni: żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007 jistgħu jiksbu abbonament għal gym b’xejn għal sitt xhur. Dan l-inċentiv huwa pass tajjeb biex jiġi mħeġġeġ stil ta’ ħajja attiva fost iż-żgħażagħ, speċjalment f’età fejn jiżviluppaw drawwiet li jżommuhom għal ħajjithom kollha, u għalhekk kemm jista’ jkun aħna għandna nħeġġuhom biex jagħżlu dejjem aktar li jkunu attivi. F’dan il-kuntest, il-Gvern permezz ta’ din l-inizjattiva innovattiva, ta’ sitt xhur sħubija f’gym b’xejn għal dawk li twieldu bejn l-2005 u l-2007 qed jgħin lil dawn iż-żgħażagħ ikunu aktar attivi. Din l-iskema, li tista’ tapplika għaliha fuq youthfitness.gov.mt, tippermetti liż-żgħażagħ jagħżlu minn aktar minn 60 gym madwar Malta u Għawdex.
Il-gym jista’ jkun spazju mhux biss biex wieħed jagħmel l-eżerċizzju u jkun attiv u biex jibqa’ fiżikament u mentalment b’saħħtu, imma wkoll spazju għal rilassament mentali u jgħin ukoll għalhekk għas-soċjalizzazzjoni. B’dan il-pass, il-Gvern qed jagħti sinjal ċar li l-benesseri tal-ġenerazzjoni żagħżugħa hi prijorità.
Ladarba s-saħħa mentali u dik fiżika huma żewġ aspetti essenzjali fil-ħajja ta’ kull persuna, u llum il-ġurnata, qed jikber l-għarfien biex ingawdu minn ħajja ta’ kwalità aħjar, l-individwu għandu jkollu bilanċ bejn ġismu u moħħu. L-attività fiżika hija wieħed mill-aqwa mezzi biex tinkiseb dan il-bilanċ, billi mhux biss iżżomm il-ġisem b’saħħtu, iżda wkoll ittejjeb il-burdata u ttaffi l-istress tal-ħajja ta’ kuljum.
Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan il-pass bħala investiment fil-futur ta’ pajjiżna, u saħaq li rutina ta’ attività fiżika minn età bikrija tista’ tinfluwenza ħajja sana fit-tul. Il-Ministru Clifton Grima żied jgħid ukoll li dan huwa eżempju ta’ kif l-isport u l-ħajja b’saħħitha jistgħu jservu ta’ pedament għal mentalità aktar pożittiva u għal komunità aktar magħquda.
Kienu d-diversi kummenti ta’ studenti li issa jinsabu entużjasti biex jibbenefikaw minn dan l-inċentiv, u aħna ltqajna mal-istudenta Amelia Cauchi u xtaqna li nieħdu xi kummenti dwar kif ser tibbenefika minn din l-iskema, u qaltilna li bażikament għall-istudenti “hija skema tajba ħafna għax li tħallas 70 ewro fix-xahar u bl-istipendju biss u meta ma tkunx taħdem hija naqra diffiċli biex tlaħħaq, jiġifieri dik tajba ħafna bħala inċentiv.” Hija tkompli tispjega dwar il-benefiċċji li wieħed jista’ jikseb meta jinkiteb, għax kif tgħid hi dan ser jgħin anke fl-aktar mumenti stressanti waqt is-sena skolastika mimlija studju, u kif tispjega hi; “anke waqt l-iskola, meta jkolli ħafna stress bl-eżamijiet u tmur il-gym ser tgħin biex issib bilanċ, u għalhekk għas-saħħa mentali tagħna hija ħafna aħjar.”
Tkellimna wkoll dwar kemm hi tagħti importanza lill-isport f’ħajjitha, u wieġbet li għalkemm “ma tantx jiena xi persuna attiva, imma b’din l-inizjattiva iktar tagħmel kuraġġ lil persuna biex tibda tattendi l-gym.” Id-diskors waqa’ fuq kif taħseb li hi l-mentalità ta’ pajjiżna lejn is-saħħa fiżika fil-preżent u hi tal-opinjoni li “l-mentalità qed issir aħjar, qed tiżviluppa, u għalkemm bħala pajjiż aħna għażżenin imma nemmen li xorta waħda qed nimxu ’l quddiem.”
Għalhekk, jekk twelidt bejn l-2005 u l-2007 u għadek student, issa għandek iċ-ċans tieħu ħsieb ġismek u moħħok b’mod attiv u divertenti, u tista’ wkoll tagħmel ħbieb ġodda permezz tal-komunità tal-gym. Biex tagħmel dan tista’ tapplika fuq youthfitness.gov.mt u tkun qed tagħmel l-ewwel pass lejn ħajja b’saħħitha, kemm fiżika u anke dik mentalità, u tgħin ukoll biex ikollna soċjetà aktar sana meta tkun qed tagħmel użu minn din l-iskema.