Saturday, May 18, 2024

Liam Debono jingħata l-ħelsien mill-arrest u diġà hemm min lest iħaddmu 

Psikologa tinnota titjib fl-imġiba tiegħu

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħ li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ uffiċjal tal-pulizija lura fl-2018 ingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan wara li psikologa informat lill-Qorti li kien hemm “titjib” fl-imġiba tiegħu.

Liam Debono qed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta ma’ dan il-każ li fih is-Surġent Simon Schembri kien weġġa’ gravi wara li safa mkaxkar diversi metri. 

Dak iż-żmien, Debono kien għad kellu 17-il sena. Minbarra l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil, Debono jinsab mixli wkoll b’diversi akkużi oħra b’rabta ma’ dan l-inċident. 

Xhur wara li kien tressaq il-Qorti, huwa kien ingħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Madanakollu, huwa reġa’ kien arrestat f’Mejju tal-2019 wara li kiser ordni tal-Qorti u nqabad isuq. 

Xahar wara, Debono kien intbagħat ħames snin ħabs talli kiser il-projbizzjoni tas-sewqan imposta fuqu mill-Qorti, li saq mingħajr liiċenzja u polza tal-assigurazzjoni u li sar reċediv. Huwa kien ukoll ipprojbit mlli jsuq għal 10 snin filwaqt li kien ordnat iħallas €60,000.

Sadanittant, il-ġuri tiegħu b’rabta mal-każ tal-attentat ta’ qtil kellu jiġi pospost wara li Debono fetaħ kawża kostituzzjonali, fejn saħaq li nkisrulu d-drittijiet tiegħu għal proċess ġust. Din it-talba kienet milqugħa u l-ġuri kien differit sine die.

Ħames snin wara li seħħ l-inċident, Debono li qed jidhru għalih avukati ġodda, talab li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Sadanittant, kumpanija privata qalet li lesta tagħtih impjieg u hemm min ukoll lest li jagħtih saqaf fuq rasu. 

Psikologa li ilha ssegwih sa mill-2018 qalet fil-Qorti li Debono rnexxielu jikber u jinbidel. “Huwa ma falla l-ebda appuntament, wera interess fis-sessjonijiet li saru u tgħallem iġib ruħu sew,” hija żiedet tgħid. 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera osservat li fil-passat Debono kien kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u kien patta ta’ għemilu. Madankollu l-Qorti qalet li mix-xhieda li tressqu quddiemha, ġie nnotat progress fl-imġiba tiegħu. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrestt taħt depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa kuljum u biex ma joħroġx minn daru bejn is-7.00 p.m. u s-6.00 a.m. Huwa kien ordnat biex ma jsuqx waqt li jinsab fuq il-libertà proviżorja. 

L-Avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u l-Prokuratur Legali Colin Galea dehru għal Liam Debono.

Sport