Monday, November 25, 2024

Libertà li Tgħix: Titnieda l-iStrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli nediet uffiċjalment l-iStrateġija Nazzjonali 2021-2030 ta’ Malta dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità bit-tema “Libertà li Tgħix”.

L-għan ewlieni ta’ din l-istrateġija huwa li tipprovdi pjan direzzjonali għas-settur Malti tad-diżabilità matul is-snin li ġejjin li jwassal sas-sena 2030, is-sena idenfitikata għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. 

L-istrateġija tikkonsisti minn 13-il objettiv, b’kull wieħed minnhom għandu marbutin miegħu azzjonijiet differenti għal total ta’ 63 azzjoni. L-azzjonijiet kollha huma marbutin ma’ skedi ta’ żmien speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan id-dokument jirrappreżenta proġett ambizzjuż ta’ nazzjon wieħed flimkien. “Proġett ambizzjuż li qiegħed jirriafferma li l-ġustizzja soċjali tibqa’ valur ewlieni, prinċipju fundamentali mnaqqax f’kull deċiżjoni li nieħdu.”

Hija żiedet tgħid li dan id-dokument qiegħed jibgħat direzzjoni ċara ta’ x’għandhom ikunu l-pedamenti li rridu li kull ċittadin jibni fuqhom. Strateġija li fi kliema stess tpoġġi responsabbiltà kbira fuq kull wiħed u waħda minna. 

“Bit-tnedija ta’ din l-istrateġija qed inwettqu wegħda elettorali oħra fejn jidħol is-settur tal-persuni b’diżabilità,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli li rreferiet ukoll għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fejn kienu involuti diversi stakeholders li wassal għat-tfassil tal-istrateġija. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Matthew Vella qal li din l-Istrateġija timxi id f’id mal-Istrateġija għas-Servizz Pubbliku mhux biss għax se tkompli tiffaċilita l-aċċessiblità iżda ukoll tissimplifika l-proċessi għall-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom u għalhekk timmira għal titjib fis-servizzi provduti. 

Apparti minn hekk, it-teknoloġija flimkien mar-riċerka, kollaborazzjoni ma’ setturi differenti kif ukoll taħriġ lil diversi professjonisti f’oqsma varji fis-settur tad-diżabilità li jiffurmaw parti integrali mill-punti ta’ azzjoni fl-objettivi ta’ din l-Istrateġija, jagħmluha iktar tanġibbli sabiex tilħaq id-diversi miri għal dan is-settur.

Sport