Wednesday, December 25, 2024

LIBERTÀ U FLESSIBBILTÀ BIEX TITWASSAL L-AĦBAR

Aqra wkoll

Minn età żgħira nitgħallmu li ċertu sinjali qegħdin hemm biex jinnotifikawna dwar mumenti partikolari tal-ġurnata. Niftakru fil-qanpiena li matul iż-żmien li fih insibu ruħna wara l-bank, kienet tiddetermina xħin niċċaqilqu u fost mumenti partikolari niftakru ċertament l-istennija għall-brejk u dik tal-aħħar li kienet tfisser t-tmiem tal-ġurnata.

Nemmnu li din l-istabilizzazzjoni tal-ħin hija parti importanti fil-proċess edukattiv li tgħinna biex nifhmu li fil-ħajja hemm ċertu linji li ma jinqabżux, iżda ma naqblux li ċertu qniepen jibqgħu jiddeterminawwlna jew agħar minn hekk jirrestrinġuna milli nieħdu ċertu deċiżjonijiet li jistgħu jkunu kruċjali fil-ħidma tagħna.

Jiġuna f’moħħna dawk il-ħaddiema kollha li minn setturi differenti fis-soċjetà jispiċċaw sfruttati mingħajr il-possibbilità li jilħqu l-qofol tagħhom minħabba l-kappa ta’ persuni li jiddeterminawlhom il-pass tagħhom ’il quddiem.

Bħala ġurnalisti li l-ħidma tagħna tinvolvi li nwasslu l-aħbar lill-pubbliku, nifhmu li hemm ċertu linji li m’għandhomx jinqabżu bħal ngħidu aħna l-etika tal-lingwaġġ u ċertu dettalji f’mumenti partikolari ta’ ħidmietna. Bħala gazzetta u anke portal aħna nagħżlu li hemm mod u mod kif inxandru l-aħbar. Sfortunatament, iva, f’ taqtigħa biex nwasslu l-ewwel aħbarijiet ikun hemm tentazzjonijiet li mingħajr ma nafu jistgħu jwasslu għal uġigħ tal-qalb tal-istess qarrejja tagħna. Jiġuna f’moħħna dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-passat li bħala parti mill-ħidma tagħna, il-qarrejja jistennew mingħandna l-ewwel dettalji.

Ironikament, jikteb x’jikteb, il-ġurnalist ħafna drabi jispiċċa fil-mira ta’ attakki fuq il-mezzi tal-midja. Ġurnalist li jagħżel li jħalli ċertu dettalji barra, anke jekk jaf li bihom se jiġbed l-attenzjoni ta’ aktar qarrejja, se jkun kritikat li mhux aġġornat daqs ħaddieħor li jagħżel li jxandarhom minnufih. Dak li jagħżel li jagħti prijorità lil dawk li jkunu qegħdin jistennew dawn id-dettalji, mingħajr ma jqis li wara tali vittmi, hemm qlub muġugħin bit-telfa friska ta’ xi ħadd għażiż għalihom, se jkun kritikat minħabba dan il-fattur ukoll.

Nemmnu li hija ħasra li lokalment għadek issib ħafna min lil dawn in-nies iqishom bħala xkiel, meta fil-verità jistgħu jgħinu ħafna biex isemmgħu leħen il-batut. Lil hinn mill-aġġornamenti u diżgwiti politiċi, il-ġurnalist jista’ jkun dak ix-xi ħadd li bis-saħħa tal-pinna tiegħu jiġbed l-attenzjoni dwar problemi li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Minn bankina bi ħsarat li tpoġġi persuna b’nuqqas ta’ mobbiltà f’periklu, sa vittmi ta’ sfruttament li jispiċċaw bi problemi psikoloġiċi kbar li saħansitra jwittulhom it-triq lejn it-tmiem bil-ħsbijiet tas-suwiċidju. Nemmnu li aktar persuni jistgħu jegħlbu dawn il-biżgħat tagħhom u ma jibżgħux biex jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom, biex iċ-ċittadin inġenerali jkollu aktar għarfien dwar x’hemm xi jsir biex titjieb is-sitwazzjoni ta’ dak li jkun.

Fuq livell internazzjonali jiġuna f’moħħna dawk il-ġurnalisti kollha li ġew imxekkla waqt ħidmiethom. Dawk li ġew ippersegwitati, imsawta jew saħansitra maqtulin għax il-ħidma tagħhom ma kinitx timxi ma’ dak li jixtiequ jaraw il-mexxejja tagħhom. Solidarjetà wkoll ma’ dawk li ntbagħtu fuq xogħol u ma rritornawx, anke jekk minħabba li mhumiex daqstant rinomati, forsi lanqas biss deher isimhom fil-midja.

Nitkellmu ħafna dwar il-libertà tal-espressjoni u għalhekk nemmnu li l-ġurnalist, bħala l-ħaddiem f’isem is-soċjetà, għandu jingħata l-għodda biex jaħdem u mhux jispiċċa mweħħel mad-daqqa tal-qanpiena li tista’ twasslu għal konsegwenzi mhux mixtieqa jekk jibqa’ għaddej fuq il-valuri tiegħu. Mistoqsijiet li jsiru għandhom jiġu mwieġba fl-aħjar interess ta’ dawk għatxana għall-verità, dawk li m’għandhomx mezzi oħra biex jaġġornaw ruħhom għajr li jikklikkjaw jew li jqallbu fil-paġni tal-gazzetta.   

Ekonomija

Sport