Monday, April 29, 2024

Izibet FA Trophy: Floriana fil-finali kontra Valletta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Floriana ……..2

Hibernians…..1

L-istaġun Malti se jagħlaq bil-kbir hekk kif iż-żewġ rivali eterni, Floriana u Valletta, se jilagħbu fil-finali tal-FA Trophy wara li l-Greens rebħu t-tieni semi-finali meta b’wirja stupenda għelbu liċ-champions Hiber­nians bl-iskor ta’ 2-1 minkejja li lagħbu bi player inqas għal siegħa sħiħa.

Kienu Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva u fis-sitt minuta, Jurgen Degabriele evita d-daħla ta’ Christian Rutjens qabel fajjar xutt minn tarf il-kaxxa li iżda l-goalkeeper, Georgi K­tanov,  dawwar f’corner b’mod stupend.

Floriana wieġbu minuta biss wara meta Kemar Reid temm azzjoni personali permezz ta’ xutt minn nofs il-kaxxa li ntemm għoli.

Huma komplew jippressaw u mal-kwarta logħob, Jose Ulises Arias qabeż lil Ali Diakite, qabel indirizza cross-shot insidjuż għan-nofs li iżda ġie devjat f’corner mid-difensur Ferdinando Apap.

Il-partita kompliet tisbieħ u fit-22 minuta, Zachary Grech, ittanta xortih permezz ta’ xutt ċentrali mid-distanza li iżda rriżulta bħala wieħed dgħajjef biex ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Kitanov.

Fis-27 minuta, Floriana fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn throw-in tal Matias Nicolas Garcia, KEMAR REID qabeż żewġ players avversarji, ġibed lejn il-lemin u b’xutt angolat għeleb lill-goalkeeper Matthew Calleja Cremona.

Maċ-ċelebrazzjoni tiegħu, Reid għadda minn qud­diem il-partitarji Pawlisti u għamel subajgħ fuq xofftejh li qajmet reazzjoni rabjuża mill-kamp Pawlist bil-konsegwenza li ntwera t-tieni karta safra (minħabba li kien diġá ammonit) … u tkeċċa.

Għalkemm bi player inqas, Floriana, bdew jipproduċu l-isbaħ logħob u fil-41 minuta Jan Busuttil għadda tajjeb lejn Jose Arias li kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi salvata minn Calleja Cremona li evita goal ċert.

Il-Pawlisti rrispondew żewġ minuti wara meta Jake Grech b’lob xeħet lejn Jurgen Degabriele li ma tantx laqat tajjeb il-ballun bir-ras li iżda kważi ħasad għal kollox lil Kitanov.

U meta kulħadd kien qed jistenna s-suffara għal tmiem l-ewwel taqsima, Floriana kellhom ħsibijiet oħra meta fil-ħin miżjud JAN BUSUTTIL qabad lil Calleja Cre­mona barra minn postu meta l-cross-shot tiegħu minn tarf il-kaxxa spiċċa fix-xibka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima kien hemm antiċipazzjoni li Hibernians jagħmlu reaz­zjoni biex jidħlu fil-logħba peró d-difiża ta’ Floriana kkontrollat kull tentattiv tal- Pawlisti.

Anzi, fis-70 minuta huma setgħu kabbru l-vantaġġ meta Ryan Camenzuli avvanza waħdu iżda ġie mblukkat minn Calleja Cremona.

Fuq in-naħa l-oħra Kitanov salva xutt insidjuż ta’ Jake Grech u fit-83 minuta salva l-free-kick mogħti minn Alvaro Cegarra. Iżda erba’ minuti wara ma seta’ jagħmel xejn mid-daqqa ta’ ras ta’ WILFRIED DOMORAUD … peró kien goal li ma sewa għal xejn!

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 3-Christian Rutjens, 4-Ouaid El Hasni, 5-Zachary Cassar (94-Ryan Camenzuli 39), 8-Kemar Reid, 10-Jose Ulises Arias (96-Daniel Agius 80), 20-Matias Nicolas Garcia (6-Rumyan Hovsepyan 86), 22-Brandon Paiber, 28-Emiliano Callegari, 30-Jan Busuttil (11-Andrei Ciolacu 80)    – Coach: Gianluca Atzori

VALLETTA: 1-Matthew Calleja Cremona, 3-Ferdinando Apap (30-Alvaro Muniz Cegarra 55), 4-Leandro Almeida, 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele, 12-Dunstan Vella, 13-Zachary Grech (70-Hugo Filipe da Costa Oliveira 40), 18-Thaylor Aldama (88-Wilfried Domoraud 75), 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Izquier Artiles, 42-Ali Diakite (6-Raphael Dos Anjos 55) (19-Joseph Zerafa 75)    – Coach: Stefano Sanderra

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: Alan Camilleri, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORERS: K. Reid 27, J. Busuttil 45 (F); W. Domoraud 87 (H)

TKEĊĊA: K. Reid 28 (F)

AMMONITI: K. Reid (2), G. Kitanov (F), F. Apap, L. Almeida (H)

Sport