Sunday, December 22, 2024

Libjan isabbat rasu u jagħti bis-sieq mal-karozza tal-Pulizija wara argument ma’ mara

Aqra wkoll

Raġel li spiċċa fl-inkwiet mal-pulizija wara argument li kellu ma’ mara fix-Xatt ta’ Tas-Sliema l-Ħamis li għadda, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Alghetafi M Algethafi Egrad, ta’ 33 sena mil-Libja iżda jgħix f’lukanda Tas-Sliema, tressaq il-Qorti mixli li hedded u insulta żewġ uffiċjali tal-pulizija, li naqas milli jobdi l-ordnijiet tagħhom, li għamel ħsara fil-karozza tal-pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa kien ukoll mixli li hedded lill-mara, li kien fis-sakra u li qal kliem oxxen fil-pubbliku.

L-Ispettur Jean Paul Attard spjega fil-Qorti kif il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tas-7.00 p.m., il-pulizija kienu infurmati b’kommossjoni wara argument bejn mara u raġel fuq bajja. 

Minnufih, il-pulizija marru fuq il-post, iżda s-sitwazzjoni kienet kalma. Ġara li meta avviċinaw lir-raġel u talbuh għad-dettalji personali, dan beda jkun aggressiv fil-konfront tagħhom.

Meta kien skortat lejn il-karozza tal-pulizija, ir-raġel, li evidentement kien fis-sakra, beda jħabbat rasu mal-karozza u jagħti bis-sieq mal-bieba. Huwa kien weġġa’ wkoll lilu nnifsu u kellu bżonn jittieħed l-Isptar għall-kura. L-inċident kien ukoll maqbud mill-bodycams tal-pulizija.

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum fejn wieġeb ħati tal-akkużi u talab skuża għall-ħsara kkawżata. Huwa kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ sena biex ikun jista’ jegħleb il-problema tax-xorb li għandu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella ordnatlu biex iħallas is-somma ta’ €401.60 f’danni li kkawża.

Ekonomija

Sport