Saturday, December 21, 2024

Libjan u Ungeriż jinżammu arrestati b’rabta ma’ każ t’attentat ta’ qtil fuq żewġ Taljani

Aqra wkoll

Libjan ta’ 30 sena u ieħor Ungeriż ta’ 27 sena baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati b’attentat ta’ qtil fuq żewġt irġiel oħra fost akkużi oħra.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif nhar it-Tlieta li għadda rċeviet rapport li kien hemm żewġt irġiel feruti fi Triq is-Sikka Marsaskala. Mal-wasla tagħhom fuq il-post huma sabu żewġ Taljani, wieħed ta’ 52 sena u l-ieħor ta’ 37 sena, midrubin u xi dmija fl-art. 

L-Ispettur qal kif meta mitkellem mill-Pulizija, wieħed mill-vittmi qal lill-Pulizija li wieħed mill-allegati aggressuri kien Adnan Said magħruf bħala Gaddafi u li miegħu kien hemm persuna oħra. Intqal ukoll li l-Libjan huwa magħruf sew mal-Pulizija u li kien għadu kemm ingħata l-ħelsien mill-arrest ħamest ijiem qabel.

Rigward l-arrest taż-żewġt irġiel, il-prosekuzzjoni semmiet li f’inqas minn 24 siegħa ż-żewġ akkużati kienu ġew arrestati. Il-Libjan kien arrestat fil-klinika tal-Mosta wara li mar biex jieħu l-kura minħabba li kien sofra xi ġrieħi fl-istess argument tant li fl-awla deher viżibilment imdewwi. L-Ungeriż ġie arrestat f’San Ġwann minkejja tentattiv li jaħrab meta lemaħ il-preżenza tal-pulizija.

Huma ġew akkużati wkoll li serqu flus kontanti, li kellhom arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u li żammew kontra r-rieda persuni oħra.

L-Għarbi separatament ġie akkużat li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’każ ieħor minn Maġistrat ieħor u li sar riċediv minħabba r-raġuni msemmija aktar qabel mill-prosekuzzjoni.

L-Ungeriż, ġie akkużat separatament li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li rrifjuta li jagħti dettalji lill-Pulizija u li rrenda ruħu reċediv.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja, filwaqt li ma kien hemm l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Id-Difiżia tmexxiet mill-Avukati Ishmael Psaila, Charles Mercieca u Franco Debono. Għall-vittmi deher l-Avukat Jacob Magri.

Ekonomija

Sport