Sunday, November 24, 2024

Liġi b’saħħitha u ħajja dwar is-saħħa u s-sigurtà- Dr Josianne Cutajar Kap Eżekuttiv tal-OHSA

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Att il-ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ġie mfaħħar mill-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar u deskritt bħala Att ħaj u b’saħħtu għaliex se jkun qiegħed jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. F’dan l-Att ġew introdotti miżuri li mhux biss se jgħinu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi preżenti imma se jagħmilha possibbli wkoll illi l-isfidi emerġenti tal-futur jiġu indirizzati f’waqthom. 

Ma’ dan is-sit, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA tkellmet dwar kif it-tibdil f’setturi tax-xogħol diversi ġab miegħu ċertu sfidi. Huwa għalhekk li dan l-Att hu ħaj, qalet Dr Cutajar, għaliex se jkun jista’ jindirizza l-isfidi li jistgħu jinqalgħu u fl-istess ħin mhuwiex att riġidu li wara ftit tas-snin nindunaw li għandu l-limitazzjonijiet tiegħu.

Hija elenkat tliet fatturi kruċjali li joħorġu minn dan l-Att. Fosthom li jissaħħu l-miżuri ta’ prevenzjoni biex jonqsu r-riskji li jweġġgħu l-ħaddiema jew sabiex ma jkollhomx konsegwenzi f’saħħithom. Qalet li żdiedu għal penali sa €50,000 li din minnha nfisha tfisser deterrent aktar qawwi. 

“Jekk kien hawn xi ftit ħasbu li għal ftit ewro lesti jieħdu r-riskju, illum wieħed jgħid aħjar ninvesti ftit eluf jew nitlef ġurnata tnejn u nara li l-miżuri ta’ prevenzjoni qegħdin hemm, milli neħel penali sa 50,000 ewro,” sostniet Dr Cutajar. 

Hija kompliet tgħid li l-Att il-ġdid se jkun qiegħed jirrevedi s-sistema ta’ multi u penalitajiet amministrattivi u għandu wkoll jipprovdi lil kwalunkwe persuna l-opportunità li tappella formalment kontra penali amministrattiva imposta mill-Awtorità quddiem it-Tribunal għas-Saħħa u s-Sigurtà. Dan it-Tribunal se jitwaqqaf sabiex jisma’ talbiet b’rabta ma’ ksur li jkun ta’ natura amministrattiva.

Komponent importanti ieħor f’dan l-Att huwa l-introduzzjoni ta’ sistema biex l-Awtorità tkun tista’ toħroġ aktar avviżi f’waqthom. “Jekk l-Awtorità mill-esperjenzi li tkun qed tikseb u mir-riċerka li tkun qed tagħmel, tinduna li fil-pajjiż daħlet ċertu kimika ta’ dannu għas-saħħa tal-ħaddiem, din b’mod immedjat tkun tista’ toħroġ avviż u twaqqaf il-ħaddiema milli jużaw dik il-kimika,” kompliet tispjega Dr Cutajar. 

Intant, l-Att il-ġdid jipprovdi wkoll li prinċipali għandhom id-dmir jaħtru HSRO (impjegat ta’ grad għoli f’livell maniġerjali), li għandu jkun inkarigat bis-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-miżuri, il-politiki u l-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol tal-Att il-Ġdid. L-HSRO se jkun responsabbli biex jirċievi rapporti mingħand kwalunkwe persuna dwar informazzjoni jew tħassib li jista’ jindika ksur tal-Att il-Ġdid. 

“Il-liġi fiha ħafna aktar klawsoli li se jkunu qed jagħtu poteri biex fil-pajjiż indaħħlu anke kunċetti fosthom f’settur fejn naraw li minħabba r-riskju hemm bżonn li l-prinċipal ikollu assigurazzjoni fuq il-ħaddiema. Klawsoli fejn l-Awtorità toħloq reġistri ta’ nies kompetenti u tara li dawn ikollhom il-warrants, il-kwalifiki, li dan is-settur jistħoqqlu,” tenniet Dr Cutajar. 

Staqsejna wkoll lill-Kap Eżekuttiv tal-OHSA jekk fil-proċess ta’ konsultazzjoni li sar b’rabta ma’ din il-liġi ġdida, il-Bord tal-OHSA kienx ikkonsultat u jekk iva ressaqx il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Hija bdiet billi qalet li f’April tal-2023 kienet ħarġet white paper għad-diskussjoni għal tisħiħ fl-istrutturi tal-OHSA. Ir-rispons kien wieħed tajjeb ħafna u l-ewwel abbozz ta’ liġi kien tlesta bejn Jannar u Frar li għadda u kien ukoll tressaq quddiem il-bord tal-Awtorità fejn ġie diskuss u ngħataw is-suġġerimenti.

“Fuq il-bord tal-Awtorità hemm rappreżentanti ta’ min iħaddem, rappreżentanti tal-ħaddiema bħal unjins, rappreżentanti tas-saħħa u esperti oħra fis-settur. Ir-rakkomandazzjonijiet li bdew jagħtu kien ittieħed konsiderazzjoni tagħhom,” qalet Dr Cutajar.

“F’dak iż-żmien konna nafu li kienet se tintemm l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Xtaqna li għal ftit ġimgħat ma ngħaġġlux anzi nistennew x’se joħroġ mir-rapport tal-inkjesta biex naraw jekk hemmx xi rakkomandazzjonijiet oħra li wieħed irid jieħu nota tagħhom. Fil-fatt hekk ġara.”

“F’nofs Marzu ħareġ ir-rapport. Ir-rapport diġa’ kien wera li parti sostanzjali tax-xogħol kien diġà inkluż fl-abbozz. Kien hemm xi proposti li wkoll ġew ikkunsidrati u ġew inklużi.”

“Ġejna fit-tieni abbozz li reġa’ tela’ quddiem il-bord u reġa’ ddiskutih. F’dan il-punt, l-emendi kienu vera ftit. Kien abbozz avvanzat li wara dan il-proċess estensiv ta’ konsultazzjoni kien hemm ftit affarijiet żgħar li ċċarajna. Sakemm eventwalment ġejna bl-abbozz li tressaq fil-Parlament u ġie diskuss,” temmet tgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Sport