Monday, December 22, 2025

“Liġi li se tagħti drittijiet ġodda lill-konsumaturi meta jivvjaġġaw”

- l-MEP Alex Agius Saliba 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Dr Alex Agius Saliba rnexxielu jikkonkludi b’suċċess leġiżlazzjoni li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u li se tkompli ttejjeb is-sitwazzjoni tal-konsumaturi Ewropej fuq bażi Ewropea, dik relatata mal-ivvjaġġar. 

Permezz ta’ din il-liġi, se jingħataw drittijiet ġodda lill-konsumaturi meta jivvjaġġaw u xi ħaġa tmur ħażin minn kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet għal refunds jew vouchers, fejn illum se jkun hemm għażla. Barra minn hekk, se jkun hemm perjodu ta’ żmien stabbilit sabiex dawn jingħataw risposta u anke jieħdu flushom lura.

“Dawn huma drittijiet ġodda sabiex meta jkollna dawn it-tip ta’ problemi li jiġru ta’ kuljum. Meta jkollna sitwazzjonijiet bħall-pandemija li ħalliet miljuni ta’ konsumaturi madwar l-Unjoni Ewropea, li kellhom btajjel ibbukkjati, lampa stampa għal xhur sħaħ. Issa permezz ta’ din il-liġi, dan mhux se jerġa’ jirrepeti lilu nnifsu,” tenna Dr Agius Saliba f’intervista ma’ L-Orizzont li saret fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.  

Huwa qal ukoll li bħalissa qed jinnegozja f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, rapport importanti fil-Kumitat tax-Xogħol u fil-Kumitat tas-Suq Intern u d-Drittijiet tal-Konsumatur, dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fuq il-post tax-xogħol. 

“Illum l-AI qed taffettwalna ħajjitna b’mod totali u komplet. Nemmen li meta nagħtu ċertu kundizzjonijiet ġodda ta’ xogħol lill-ħaddiema, bħat-teleworking, nagħmlu dan għax nafdawhom. Li nitfgħu l-istess kollu permezz tal-AI fuq il-ħaddiema tagħna, f’dinja ġdida u b’mod ġodda ta’ kif il-ħaddiema qed jaħdmu, dik hi ħaġa li rridu naraw li nikkontrollawha. Anke dwar l-informazzjoni li  tinġabar fuq il-ħaddiema mingħajr ma jkunu jafu permezz tal-AI,” tenna Agius Saliba li sostna li permezz ta’ leġiżlazzjoni Ewropea qed jitħejja qafas biex ikunu protetti l-ħaddiema. 

Min-naħa l-oħra, huwa rrikonoxxa wkoll l-importanza tal-AI sabiex ċertu proċessi isiru aktar faċli u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja. Imma saħaq li rridu naraw ukoll l-impatt li jkun hemm fuq il-privatezza f’dik li jikkonċerna l-informazzjoni u d-data u anke l-mod ta’ kif naħsbu. 

“Sena pożittiva ħafna fil-Parlament Ewropew”

Dr Agius Saliba kompla jgħid li l-2025 kienet sena pożittiva ħafna għalih fil-Parlament Ewropew u kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ din il-leġiżlatura. “Kienet sena intensiva ħafna għalija f’diversi kumitati fil-Parlament Ewropew.” 

“Ħdimt u għadni għaddej bil-proċess dwar il-protezzjoni tal-minorenni fuq bażi online. Din hi sfida li ħafna ġenituri qed jaffaċjaw fejn jidħol l-aċċessibiltà ta’ pjattaformi bħal X, Tiktok, Instagram u l-ħsara li qed tħalli fuq it-tfal. Problemi ta’ saħħa mentali, nuqqas ta’ konċentrazzjoni minħabba twil esaġerat li jqattgħu online sabiex jikkonċentraw fuq ix-xogħol akkademiku tagħhom u nuqqas ta’ attività fiżika.

“Dan dejjem qed jonqos għax it-tfal imwaħħlin mad-devices tagħhom hi xi ħaġa li rridu naraw minn 13-il sena ’l isfel, it-tfal ma jkollhomx dan it-tip t’aċċess, billi jsiru verifiċi mill-pjattaformi sabiex dawn ma jkollhomx aċċess reali.

“Barra minn hekk kienet sena fejn mexxejt numru ta’ inizjattivi biex nipproteġi setturi varji ta’ industriji f’pajjiżna. Ftit tal-ġimgħat ilu għalaqna proċess, wara pressjoni li għamilt mal-Kummissjoni Ewropea, sabiex nipproteġu l-industrija tal-gaming f’pajjiżna.

“Kelli ħidma fejn tidħol żieda ta’ trasparenza meta jkollok NGOs u għaqdiet li jagħmlu lobbying u jiġu mħallsa minn barra mill-UE sabiex naraw li d-demokraziji tagħna ma jiġux affettwati b’mod negattiv.

“Dan minbarra x-xogħol li nagħmel ta’ kuljum bħala Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti fejn nikkordina l-qasam diġitali li huwa qasam kbir ħafna li jmiss ma’ seba’ kumitati parlamentari,” qal l-Ewroparlamentari Laburista. 

Dr Agius Saliba spjega wkoll li fil-Parlament Ewropew għandhom diversi hekk imsejħa “Intergroups”, 14 b’kollox, u huwa għandu responsabiltà ta’ tmexxija fi tlieta minnhom. Huwa Co-President tal-Intergroup dwar is-saħħa mentali u Co-President tal-Intergroup għad-diżabilità fuq bażi Ewropea filwaqt li għas-sitt sena qed jokkupa kariga bħala Viċi President tal-Intergroup responsabbli mill-kaċċa, l-insib u l-bijodiversità fuq bażi Ewropea fejn fir-rigward ta’ dan tal-aħħar “hemm ħafna sfidi.”

Mitlub jelabora aktar dwar dan, huwa qal li “rajna lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel tentattiv ieħor biex tkisser id-deroga tar-riċerka. Għaddejja ħidma biex inġibu l-appoġġ ta’ numru ta’ MEPs u stati differenti biex nipproteġu d-delizzju ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin u biex inkunu nistgħu niksbu suċċessi fil-proċessi li nkunu qed naffaċċjaw.” 

Dr Agius Saliba qal ukoll li s-sena d-dieħla mistennija toħroġ konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-armi. Qal li “aħna favur li jkollna aktar kontrolli fuq armi illegali li jidħlu fuq bażi Ewropea però m’aħniex favur li nirrestrinġu l-użu tal-armi fejn jidħol l-isport tal-armi, l-armi li jintużaw fid-delizzji waqt il-kaċċa.”

Finalment staqsejnieh dwar il-ħidma tiegħu għas-sena d-dieħla, bl-MEP Agius Saliba jgħid li se tkun sena oħra ta’ ħafna ħidma. “Bħalissa għaddej fuq ħidma fejn probabbilment se nkun qed naħdem dirett bħala negozjatur ewlieni tal-PE fuq pakkett leġiżlattiv legali li se jkollna matul din il-leġiżlatura fejn tidħol id-data – x’data tista’ tinġabar, kif tista’ tiġi storjata, kif tingħata, u l-proċessi tal-AI. Se jkolli rwol biex nikkordina ħidma f’dan il-qafas.

“Se jkolli rwol ta’ kordinazzjoni fejn tidħol Digital Fairness Act, numru ta’ salvagwardji fuq il-protezzjoni tal-minorenni fuq bażi online.

“Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni marbuta biex toħroġ il-proposta tar-Right to Disconnect. Kif toħroġ dik il-proposta, bħala negozjatur tal-PE, se jkolli ninnegozja mal-Kummissjoni fil-PE u mal-Kunsill sabiex naraw li nsibu triq li tkun aċċettabbli għal kulħadd biex din il-leġiżlazzjoni jgawdu minha mhux biss il-ħaddiema Maltin u Għawdxin imma l-ħaddiema kollha Ewropej,” temm jgħid l-MEP Alex Agius Saliba. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport