Lija Athletic rebħu l-Enemed Women’s Futsal League meta fit-tielet finali tal-play-offs huma għelbu lil Swieqi United 4-1.
Din kienet it-tielet darba fi spazju ta’ tliet ġimgħat li dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu hekk kif fl-ewwel konfront kienu Swieqi li rebħu 2-1 sabiex fit-tieni partita, kienu Lija li kellhom riżultat favorevoli ta’ 3-1.
It-tim ta’ Jackie Abdilla beda tajjeb u marru minn fuq wara biss minuta permezz ta’ Ylenia Azzopardi.
Swieqi United wettqu reazzjoni u ġabu d-draw bi freekick preċiż u b’saħħtu ta’ Amy Abdilla.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Lija reġgħu marru minn fuq permezz ta’ Izabella Camilleri bl-ewwel taqsima li għalqet 2-1.
Lija Athletic kienu ferm tajbin fit-tieni taqsima hekk kif skorjaw żewġ gowls oħra minn Hailey Russell u Jasmine Vella Turner.
Fit-tmiem il-konfront il-captain ta’ Lija Athletic Jasmine Vella Turner ġiet ippreżentata bit-tazza mill-viċi-presidenti tal-FMA Nathan Jones u Kurt Rizzo.
Referees kienu Clinton Cassar u Danilo Francalanza.
Timekeeper kienet Sara Kankaras.