Sunday, December 22, 2024

“Lil dawk bi problemi ta’ fertilità aħna ma ngħidulhomx jikkunslaw bit-tfal ta’ ħaddieħor”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista huwa l-unika partit b’viżjoni li jmexxi fil-ħames snin li ġejjin. Hekk beda biex jgħid f’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne filwaqt li kompla biex jitkellem dwar it-tbassir tal-kummissjoni ewropea figward ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’pajjiżna. Fearne qal li l-fatt li l-proposti tal-Partit Laburista huma kalkulati dan jagħmilhom fi stat li kulma jwiegħed jitwettaq.

Rigward il-viżjoni tal-Partit Laburista għat-tfal, Fearne qal li gvern Laburista jagħtihom il-faċilitajiet li jwettqu l-ambizzjonijiet tagħhom b’titjib fis-sistema edukattiva u sostenn lill-familji u l-edukaturi tagħhom.

Il-Ministru tas-Saħħa ddikjara li “Aħna meta nħarsu f’għajnejn koppji li jixtiequ li jkollhom tarbija imma ma jistgħux jagħmlu dan minħabba problemi ta’ fertilità ma ngħidulhomx ikkunslaw billi tħarsu lejn it-tfal ta’ ħaddieħor, iżda nagħtuhom il-kuraġġ bi twessigħ fil-proċess li jgħinhom iwettqu l-ħolm tagħhom. Kompla biex jgħid li jekk il-poplu jagħti l-fiduċja lil gvern Laburista, dan se jwettaq erba’ emendi prinċipali fil-liġi tal-IVF.

Dawn jinkludu mediċini kollha bla ħlas għall-mara kif ukoll għar-raġel fil-proċess u rifużjoni għal dawk li qegħdin jużaw dawn il-mediċini minn Jannar li għadda.

Qed jipproponu wkoll li l-emendi l-ġodda se jsarrfu f’aktar ċikli mingħajr ħlas tal-IVF biex tiżdied l-opportunità għall-koppji. Dawk li diġà użaw it-tliet ċikli, gvern Laburista se jkun qiegħed jagħtihom il-possibbiltà ta’ ċiklu ieħor mingħajr ħlas.

Il-liġi l-ġdida se testendi l-età tal-possibbiltà li persuna tagħmel l-IVF minn 43 sena għal 45 sena.

Tħabbar ukoll li, fl-ewwel 100 jum ta’ gvern ġdid Laburista jkunu għaddew dawn l-emendi u jkun propost li dawk li diġà għandhom l-ewwel wild, iżda għadhom isofru minn problemi ta’ fertilità, jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw minn trattament tal-IVF mingħajr ħlas.

Rigward koppji li tilfu tarbija minħabba problemi ġenetiċi fil-ġuf jew anke wara t-twelid, pajjiżna se jkun qiegħed joffri r-riżorsi kollha bi professjonisti professjonali biex dawn ma jkollhomx għalfejn isiefru biex isiru ġenituri.

Ekonomija

Sport