Fit-22 ġurnata tal-Kampjonat Franċiż, Paris Saint-Germain għelbu lil Toulouse 2-1 f’darhom u reġgħu saħħew l-istatus tagħhom fil-quċċata tal-klassifika b’54 punt, b’vataġġ ta’ tmien punti fuq Marseille li jinsabu fit-tieni post.
Branco van den Boomen fetaħ l-iskor għall-viżitaturi, iżda Achraf Hakimi u Lionel Messi, dawru r-riżultat għall-Pariġini li kellhom lil Neymar u Mbappe neqsin minħabba li jinsabu mweġġgħin.
Peró, fit-tieni taqsima, l-attakkant Arġentin inqabad f’sitwazzjoni stramba ma’ player ieħor Olandiż, bħal dak li ġara fit-Tazza tad-Dinja ma’ Wout Weghorst, u l-famuża frażi “itlaq ‘l hemm, ja baħnan”.
Din id-darba huwa kellu xi jgħid ma’ Van den Boomen, meta fit-68 rifes lill-istess Messi meta dan kien mal-art.
Ir-reazzjoni tal-player minn Rosario “splodiet” fuq il-midja soċjali, fejn il-partitarji tal-Arġentina użawha biex ifakkru dak li ġara kontra l-Olanda fit-Tazza tad-Dinja.