It-tarbija li korrejt hija “l-anġlu kustodju tiegħi” tgħid Laura Strathearn, mara ta’ 35 sena minn Glasgow. Strathearn tispjega kif il-korriment tat-tarbija salvalha ħajjitha għaliex kien propju f’dak iż-żmien li skopriet illi kellha kanċer aggressiv f’sidirha. Kieku ma laħqitux fil-waqt, dan seta’ jkun terminali.
Strathearn tirrakkonta li meta kellha tliet xhur tqala ħadet aħbar diffiċli minħabba li ġiet infurmata illi qalb it-tarbija waqfet tħabbat. Jum minnhom waqt li kienet għall-kwiet id-dar tistrieħ sabiex tirkupra minn din l-aħbar, innutat vina blu fuq in-naħa tal-lemin ta’ sidirha.
Hija tkompli tirrakkonta kif għall-ewwel ma ħasbitx li hija xi ħaġa serja, però wara li tkellmet ma’ żewġha, Fraser, ikkonvinċiet ruħha sabiex tmur tagħmel vista għand it-tabib tal-familja.
Minn biopsy li sar f’Jannar tal-2021 irriżulta li l-kanċer kien fi stadju avvanzat u laħaq beda jinfirex. It-tobba għarrfuha illi kieku rnexxielha ssalva t-tarbija, it-tarbija kien ikollha bżonn tirċievi kura paljattiva minħabba li l-kanċer kien ta’ natura aggressiva.
Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni hija ngħatat trattament intensiv li kien jikkonsisti f’kimoterapija u radjoterapija kif ukoll operazzjoni ta’ 10 sigħat sabiex jitneħħa t-tumur.