Saturday, November 2, 2024

LIVE: Il-Prim Ministru Abela jagħti t-tweġiba tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iġib fi tmiemu l-ewwel baġit taħt l-amministrazzjoni tiegħu hekk kif fis-seduta tal-lum tal-Parlament se jagħti t-tweġiba tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Tul id-diskors, il-Prim Ministru se jgħid il-miżuri li l-Gvern ħa biex jilqa’ għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, u anke r-riformi li l-Gvern għamel fil-qasam tal-governanza tajba. Fid-diskors tiegħu Abela mistenni li jirrispondi wkoll għall-kritika li saret fil-konfront tal-baġit imħabbar mill-Gvern għas-sena li ġejja u għall-amministrazzjoni tiegħu mill-mexxej tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Agħmel refresh tal-paġna biex tara l-aħħar aġġornamenti

Il-Prim Ministru, Robert Abela fi tweġiba tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, beda biex qal li “biex taħdem għal pajjiżek trid tkun tħobbu.” Huwa feraħ lill-Mons. Mario Grech għall-ħatra tiegħu u tenna li dan qatt ma ddejjaq jgħid li hu minn Għawdex meta jkun barra minn Malta. 

Huwa żied jgħid li jinsab kburi li permezz tal-baġit għas-sena li ġejja l-Gvern ta għajnuniet ta’ €2.7 biljun u salvajna l-impjiegi. 

“Dan hu l-akbar sostenn finanzjarju li l-Gvern ta liċ-ċittadini tiegħu. Baġit bla ebda taxxa. Baġit li ta ħafna u ma ħa xejn. L-akbar baġit li qatt sar. Magħna taf fejn qiegħed. Intom qed taħdmu biex tkissru programm li tefgħu miljuni fil-kaxxa ta’ Malta. Flus li bihom stajna nżommu l-wage supplement. Ma jimpurtax għax aħna se nagħmlu d-difiża tagħna għal dan il-programm. Kieku intom kapaċi tagħmlu l-ġid daqs kemm tagħmlu ħsara ħadd ma jniżżilkom mill-gvern.”

“Jien kburi li jien Malti”

Il-Prim Ministru Abela kompla jgħid li “jien kburi li jien Malti. Jien kburi f’Malta tagħna. Meta nsiefer jien ngħidilhom, jien Abela minn Malta.” 

Tenna li dan hu s-sens ta’ kburija li l-Gvern ġab pakkett finanzjarju ta’ aktar mid-doppju ta’ dak li ġabet l-amministrazzjoni preċedenti Nazzjonalista. “Tajna vawċers lil kulħadd għal darba darbtejn. Pensjoni għola lil pensjonanti kollha. Inwork benefit għal dawk bi dħul baxx. Għajnuna supplementari għal dawk bi dħul baxxa. Żieda fiċ-Childrens Allowance. Żieda fil-pensjoni tas-servizz. Tal-linja card lil dawk ta’ aktar minn 70 sena. Iżjed tax credits għal min ifaddal għal pensjoni privata. First time buyers scheme aktar ġeneruża. Wage supplement garantit sa l-aħħar ta’ Marzu.”

“Qalulna li ‘budget copy and paste’ biex nattakkaw deputat li jikkopja”

Il-Prim Ministru fit-tweġiba tiegħu kompla jgħid li “attakkawna li dan hu budget ‘copy and paste’. Din saret bi skop. Biex nattakkaw lil deputat partikolari. Imma jien mhux se naqa’ f’dik it-tentazzjoni. Aħna ma nemmnux bl-attakki personali. Araw intom min kitibha dik il-frażi fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Tattakkaw lil xulxin aħseb u ara x’tagħmlu lin-nies.”

“Żbalji għamilt u nitlob skuża”

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru żied jgħid li “għamilna żbalji wkoll. Jien ukoll għamilt l-iżbalji u ta’ dawn nitlob skuża. Illum imma fuq il-kwistjoni tal-governanza sirna mudell. Fil-Kunsill Ewropew, Frans Timmermans, faħħar lil Malta u meta jien irringrazzjajtu qalli m’hemmx għalfejn tirringrazzjani għax intom qed tagħmlu biċċa xogħol fantastika fuq is-saltna tad-dritt”.

“L-Oppożizzjoni f’nofs pandemija għamlet elezzjoni… b’kap ġdid li jagħti messaġġ li ma joqgħodx kwarantina     ”

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jgħid li “l-pandemija sabet lil ħafna pajjiżi għarkobbtejhom imma lilna sabitna b’sistema tas-saħħa b’saħħitha u bl-akbar ammont ta’ infermieri. Tafu x’qalilna l-Kap tal-Oppożizzjoni? Li jrid iwaqqaf kumitat biex ikun fuq is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Taf li hekk qrajt u hekk kitbulek. Aħna favur is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. Ħaddieħor moħħu biex ibeżża’. Tippruvawx tieħdu vantaġġ mill-pandemija. Dan hu mument tal-għaqda nazzjonali. Dan hu mument fejn niġbdu ħabel wieħed. ”

Żied jgħid “Nistaqsi x’kont tagħmlu differenti minna? Meta tistaqsi dan, tisma’ biss skiet. Kumitat tisma’. Waqqfu wieħed bejniethom u mbagħad ipproponew kumitat ieħor. Kumitati u kumitati. U dan biex jipproponu li ma jagħmlu xejn. U x’għamlu dawn f’nofs pandemija? Għamlu elezzjoni li ġabru 21,000 persuna b’min jifraħ u jiġġieled wara. Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li bagħat messaġġ li jista’ ma jsegwix il-kwarantina”.

“Nannti tgħidli meta se noħroġ minn hawn?”

Tenna li “fl-aħħar sigħat ħadna miżuri restrittivi ġodda. Tkellmit ma’ nannti u qaltili meta se toħorġuni minn hawn. Fraġli vera imma hemm moħħha biex tgħix il-ħajja. Mort għand ommi u rajtha bil-maskla u dort lura. Taħsbu li dawn mhumiex mumenti li jweġġgħu. Kelli messaġġ minn wieħed li għandu bar u qalli tagħlaqniex għax se ssallabna. Lill-familji Maltin nagħtihom il-garanzija li kif toħroġ it-tilqima se nkunu minn tal-ewwel li jkollna d-dożi”.

“Għaliex lis-sidien tan-negozji qed tgħidulhom li huma maħmuġin?”

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jgħid li “qed jgħidu li hi perikoluża din li jkun hemm bilanċ bejn ekonomika u saħħa. Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma semma xejn. Naħseb li ma kitbulu xejn dwarha. Aħna minflok weġibna kif wieġbu tal-Oppożizzjoni meta kienu fil-Gvern, fejn fl-2008 għamlu l-politika tal-awsterità, aħna weġibnu b’politika progressiva. 

“Aħna l-partit tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Għaliex qed tpinġu lin-negozji bħala li huma maħmuġin? Iħallsu l-VAT dawn mhux bħal xi ħadd. Għaliex qed titkellmu hekk fuqhom? Aħna iva pro-market u pro-business. Il-Partit tal-Ħaddiema ma jista’ qatt ikun kontra min iħaddem. 

“Issa l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jirredikola lill-imsieħba soċjali għax dawn bħat-tfal riedu logħba tal-kompjuter u l-Ministru tal-Finanzi tahielu. Nisma’ u ma nemminx dak li qed nisma’. Forsi għandi bżonn lezzjoni fil-Grieg. Aħseb u ara kemm kont se tkun tarka għan-negozji f’dan il-mument. Le Sur Kap tal-Oppożizzjoni, mhux veru ħadu li riedu. Ħadu li kien ħaqqhom. U dan jeħduh bi dritt bħala negozji u ċittadini li jħallsu t-taxxi”.

“Aktar ma tagħmlu deni u ħsara aktar inwieġbu bil-ġid”

Saħaq li “aktar ma tagħmlu deni u ħsara, aħna aktar se nwieġbu bil-ġid.” Semma’ li l-Kap tal-Oppożizzjoni ftakar fl-Assedju Kbir u qal li jien li niftakar hu fil-mediċini out of stock u fil-kontijiet għoljin”.

Iddikjara li “fil-pandemija li għamilna kien li stabbilizzajna s-sitwazzjoni. L-ewwel pakketti f’Marzu kienu jiffukaw fuq il-likwidità. Ridna nħallu l-likwidità fin-negozju u għalhekk ipposponejna l-ħlas tat-taxxi. Li tipposponi t-taxxi qatt ma tista’ tkun b’saħħitha daqs li ma tħallasx taxxa u VAT qatt. 

“Illum qed nifhem għaliex dakinhar għedtu hekk. Il-wage supplement ippreservat l-impjiegi. Semmejt li ndaħħlu t-teleworking meta l-gvern ħadem pandemija sħiħa bit-teleworking. Ilħaqna ftehim storiku fl-MCESD fejn koprejna l-paga sħiħa ta’ għadd ta’ ħaddiema. Min kien bil-paga minima saħansitra ħa żieda. Dik hi r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern, li ngħinu u nwieżnu l-iżjed lil dawk li jistgħu l-inqas. Bil-wage supplement gawdew 100,000 ħaddiem. Ma waqafniex hawn u ħabbarna li se nużaw il-flus fl-MDSF biex il-banek jagħtu garanziji lin-negozji.”

L-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-kampanja li qed tagħmel l-Oppożizzjoni dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u qal li “ibqgħu kissru ċ-ċittadinanza bl-investiment. Dan hu żball li se jibqa’ fuq il-kuxjenza tagħkom. Sewwa għamilt irringrazzjajt lil dik li qed tagħmel ħsara barra minn pajjiżna. Ftakar li dak li inti għamilt lil ħaddieħor, hi se tagħmlu lilek, għax hekk irid min iridha lilha.”

Jikkummenta Adrian Delia… ”Aqbeż għalihom ftakar x’għamlulek u x’lesti jagħmlulek”

Waqt id-diskors tal-Prim Ministru spikka mument fejn l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia nstema’ jgħaddi xi kummenti. Ikun pront iwieġbu l-Prim Ministru u jgħidlu li “aqbeż għalihom u ftakar x’għamlulek u x’lesti jagħmlulek jekk tiftaħ ħalqetk”.

“Pajjiżi oħra qed jitkellmu fuq li jnaqqsu l-benefiċċji u jżidu t-taxxi”

Hu kompla jgħid li “veru aħna mhux dejjem inżommuha kelmitna. Dan għax inwiegħdu tant u nagħtu iżjed. Ħaddieħor qed inaqqas il-benefiċċji. Araw l-Ingilterra. Qed jitkellmu fuq tnaqqis fil-benefiċċji u żieda fit-taxxi. Aħna qed ngħidu li mhux se nżidu taxxi. Pajjiżi oħrajn qed jitkellmu kif se jieħdu mingħand in-nies dak li tawhom.  

Għal koppja pensjonanti xi jfisser il-baġit. Koppja li tiddependi mill-pensjoni minima żieda ta’ €260, żieda ta’ €108 fis-supplimentari fost oħrajn. B’kollox żieda ta’ €770, li tfisser xahar pensjoni. 

“Madwar 29,000 anzjan se nagħtuhom żieda ta’ €108. Anzjani se jieħdu trasport pubbliku bla ħlas. Din hi r-ruħ soċjali. F’nofs pandemija ddedikajna €9 miljun għal dak li ħaddieħor wettaq inġustizzja magħhom. Iddedikajna flus għal dawk li mardu jew mietu bl-asbestosis. Din hi r-ruħ soċjali. Din hi l-qalb ta’ gvern li jħoss għan-nies.”

Deħlin għal xahrejn ta’ sfidi imma ippreparati għalihom

Il-Prim Ministru qal li “deħlin għal xahrejn ta’ sfidi imma ippreparti għalihom. Mhu se nħallu lill-ebda negozju jogħdos. Se nipproteġu l-impjieg ta’ kulħadd. Lin-negozjanti ngħidilhom li magħkom u warajkom għandna l-aqwa gvern. Il-gvern tal-governanza tajba. M’intomx waħedkom. Magħna taf fejn qiegħed”. Żied jgħid li ddaħħlet miżura fejn permezz tagħha 3,000 self-employed se jinħelsu mill-burokrazija tal-VAT.

“Trasport tal-massa…ħolma għal ħafna imma għalina mhix”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li “trasport tal-massa hi ħolma għal ħafna. Għalina mhix. Rajt l-istudji professjonali. Issa se naraw għat-tieni fażi biex naraw il-vijabbilità ta’ din is-sistema.” Abela tkellem ukoll dwar il-link permanenti għal Għawdex. “Qbilna ż-żewġ naħat f’riżoluzzjoni Parlamentari. Fil-pre-budget document għedtlu li jrid ikun hemm il-kontinwazzjoni ta’ dan il-proġett. Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni, tefa’ sieq fuq naħa u sieq fuq oħra. Din hi Oppożizzjoni li ma tistax tieħu deċiżjoni.”

“Malta hi full up… Din hi l-pożizzjoni tagħna dwar l-immigrazzjoni”

Saħaq li “l-poplu tagħna qalu wisq fuq rasu minħabba l-immigrazzjoni. Ħdimna fuq it-trażżin tal-wasliet. Morna l-Libja u rajna x’inhuma s-soluzzjonijiet mal-Libjani u dawn ħadmu. Il-wasliet iva rnexxielna nnaqqsuhom bis-saħħa. Tlabt lill-Oppożizzjoni tieħu pożizzjoni magħna li Malta ‘full up’ u l-Oppożizzjoni qalet li le. 

“Il-pożizzjoni tiegħi hi ċara, u hi dik li Malta hi full up. X’għamlu l-Oppożizzjoni? Ħalltu l-immigrazzjoni mal-ħaddiema li qed jaħdmu b’mod legali. Riedu jagħmlu konferenza biex lil dawn il-ħaddiema jgħidulhom li ma jriduhomx. Dan ikun katastrofiku għal pajjiżna. Min qiegħed f’Malta skont il-liġi hu aċċettat. Min ġej b’mod irregolari, jintbagħat lura jew jiġi rilokat. Nittama li l-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu pożizzjoni komuni. Għaddi mill-Marsa. Żidna ħafna infurzar, imma dan mhux biżżejjed. Iva, irid ikollna pożizzjoni riġida.”

“Kburi li se ssir il-Europride f’Malta”

Saħaq li “l-kwistjoni tal-governanza tajba jien nemmen li tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-Moneyval se ngħadduh. Nemmen li għandu jkollna xogħlijiet flessibbli u aktar siguri, pagi aħjar, u bilanċ bejn xogħol u familja. Irrid li nsiru ċentru tal-arti u l-kultura. Ngħid liż-żgħażagħ ma jiqfux joħolmu biex għada l-ħolma sssir realtà.  

“Nixtieq nara li binti tgħix f’soċjetà fejn in-nisa ikollhom l-istess saħħa ta’ l-irġiel f’dik li hi rappreżentanza. Għaliex f’din il-Kamra hawn in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa?  Għandna dokument u ejja ħa ngħadduh b’mod unanimu. Kburi li se jkollna l-Europride f’pajjiżna. Ejja naqblu li nibdlu l-liġi tad-divorżju. Din qed toħloq tbatija u inġustizzja ma’ ħafna nies. Trid tistenna erba’ snin biex iġġib id-divorzju. X’loġika hemm warajha llum? Għamiltu żball kbir fil-passat. Din emenda kruċjali. Għal min qed jgħix dawn l-esperjenzi din tfisser ħafna.”

“Kburi bil-futur li se nibnu flimkien”

F’diskors mill-aktar pożittiv u li mhux biss enfasizza l-preżent imma tkellem dwar il-viżjoni li għandu l-Gvern, il-Prim Ministru Robert Abela temm billi ddikjara li bħala pajjiż irridu nħarsu lil hinn mill-pandemija.”

Fi ftit żmien ieħor il-pandemija se tkun għaddiet. Qed inħares lejn Marzu biex f’dak ix-xahar bħala pajjiż naħarbu niġru. Kburi bil-futur li se nkunu qed nibnu flimkien. Flimkien se nibnu futur aħjar. Konvint li se noħorġu aktar b’saħħitna u fi żmien qasir wara l-pandemija se nkomplu għaddejjin b’aktar suċċessi.  Għalhekk ħabbarna l-aqwa baġit ta’ gvern Laburista. Għalhekk nistgħu nħarsu lil hinn mill-pandemija. Għalhekk Maltin u Għawdxin b’saħħitna ‘l quddiem”.  

Sport