Monday, May 13, 2024

AĠĠORNAT: L-ewwel vaċċini jaslu Malta nhar is-Sibt; Infermiera fit-Taqsima tal-Mard Infettiv se tkun l-ewwel persuna f’Malta li titlaqqam kontra l-Covid-19

Aqra wkoll

Tobba se jibdew jamministraw l-ewwel vaċċin kontra l-Covid-19 minn nhar il-Ħadd 28 ta’ Diċembru. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet fil-Ministeru għas-Saħħa, f’liema konferenza tal-aħbarijiet ngħata aġġornament dwar il-pandemija u l-vaċċinazzjoni kontra l-Covid-19.

Il-Ministru Fearne qal li l-ewwel persuna li se tkun qed titlaqqam bil-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech se tkun infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv (IDU).

Ħaddiema tas-saħħa oħrajn fl-Isptar Mater Dei, fosthom fit-Taqsima tal-Emerġenza, fl-ITU, l-IDU u f’wards oħrajn fl-Isptar se jkunu qed jibdew jitlaqqmu l-għada. Se jkunu qed jibdew jitlaqqmu wkoll ħaddiema ħaddiema li jaħdmu f’ċentri primarji tas-saħħa u kif ukoll dawk li jaħdmu fiċ-ċentri fejn isiru s-swab tests.

Il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jibdew jitlaqqmu fid-29 ta’ Diċembru. Ħaddiema fl-Isptar Monte Karmeli, l-Isptar St Thomas, l-Isptar Boffa u l-Isptar Good Samaritan jibdew jitlaqqmu nhar it-30 ta’ Diċembru.

Matul l-ewwel sitt ijiem tas-sena l-ġdida residenti fi djar tal-anzjani se jibdew jitlaqqmu, filwaqt li l-għada 7 ta’ Jannar se jkunu qed jibdew jitqassmu l-ewwel ittri lil pazjenti li għandhom ’il fuq minn 85 sena, bl-ittra tindika żewġ dati meta wieħed għandu jmur jieħu l-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin.

Huwa tenna wkoll li l-ewwel lott ta’ 10,000 vaċċin se jkunu qed jaslu nhar is-Sibt li ġej, b’kull nhar ta’ Tnejn Malta tirċievi kunsinja oħra ta’ vaċċini sakemm tirċievi 500,000 vaċċin tal-Pfizer. F’Jannar mistennija li tasal ukoll kunsinja ta’ 100,000 vaċċin ieħor ta’ Moderna.

Intant qal li l-awtoritajiet tas-saħħa niedet helpline bin-numru 145 għal kull min ikollu mistoqsijiet b’rabta mal-vaċċin.

L-aġġornament tal-Ministru Fearne wasal wara li aktar kmieni llum il-Gvern ħabbar li kien se jwaqqaf b’mod temporanju t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit kaġun ta’ varjant ġdid tal-Covid-19.

Kienu bosta dawk il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li wkoll ħadu din id-deċiżjoni, bil-għan li jikkontrollaw l-imxija ta’ dan il-varjant tal-virus.

Sport