Sunday, December 22, 2024

Liverpool ifittxu is-sostitut denju ta’ Salah wara li Al-Ittihad offrew £200 miljun għall-firma tiegħu

Aqra wkoll

Il-club Sawdi, Al-Ittihad, qed isaħħaħ l-insegwiment tiegħu biex jiksbu l-firma tal-attakkant internazzjonali Eġizzjan ta’ Liverpool, Mohamed Salah (ritratt). 

Wara li r-Reds irrifjutaw l-offerta ta’ £150 miljun, id-diriġenti Għarab iltaqgħu b’urġenza u għollew l-istess offerta għal £200 miljun għal dan il-player ta’ 31 sena. 

Issa, filwaqt li s-suq tat-trasferimenti fl-Ewropa għalaq nhar il-Ġimgħa, dak fil-Lvant Nofsani jintemm nhar il-Ħamis, li ġej, 7 ta’ Settembru. Għaldaqstant filwaqt li l-clubs Ewropej ma jistgħux jiffirmaw players, huma jistgħu jċeduhom. U proprju Li­verpool inqabdu f’din id-dilemma. 

Dan minħabba li l-offerta waslet tard u l-club Ingliż sabha diffiċli biex isib is-sostitut tiegħu f’qasir żmien. Peró wieħed ma jridx jinsa li f’dawn il-ħamest ijiem Al-Ittihad se jagħmlu dak kollu fil-poter tagħhom biex jingaġġaw lil Salah. 

Min-naħa l-oħra, jekk il-player Eġiz­zjan ma jitlaqx issa, jista’ jħalli lill-club f’Jannar li ġej. U allura Liverpool se jitilfu din is-somma stratosferika? Nistennew u naraw. 

Fil-veritá, Liverpool huma konxji ta’ din is-sitwazzjoni u minkejja li qed itennu li ma jridux iċedu lil din il-ġawhra, huma qed jidentifikaw is-sostitut tiegħu … għax wara kollox erba’ xhur oħra jgħaddu. 

L-aktar żewġ players fil-mira tagħhom bħala sostituti potenzjali huma, Karim   Adeyemi ta’ Borussia Dortmund u Leroy Sane ta’ Bayern Munich.

Filwaqt li Sane, 27 sena, għandu l-esper­jenza tal-Prmier League minħabba li kien jilgħab ma’ Manchester City, Adeyami għandu biss 21 sena iżda diġà impressjona fil-Bundesliga. 

Barra minn hekk, Liverpool għandhom lil Ben Doak, 16-il sena, li huwa meqjus li se jimxi fuq il-passi ta’ Salah u diġá għamel id-debutt tiegħu mal-Merseysiders. 

Ekonomija

Sport