Fil-Premier League Ingliż, il-leaders Arsenal fallew żewġ punti mill-aktar importanti meta marru għand Liverpool u spiċċaw fi draw ta’ 2-2 liema skor seta’ faċilment kien favur ir-Reds meta fallew penalty kif ukoll bosta ċansijiet ta’ skor.
Bla dubju, Manchester City kienu l-aktar li ħadu gost b’dan ir-riżultat hekk kif id-distakk naqas għal sitt punti.
Is-Citizens iridu jirkupraw partita u proprju fis-26 ta’ April huwa jospitaw lill-istess Arsenal.
B’hekk wieħed jista’ jgħid lil Liverpool fetħu t-taqtiegħa għall-kampjonat li se tibqa’ inċerta sal-aħħar.
Arsenal fetħu l-iskor fit-tmien minuta minn Gabriel Martinelli li approfitta minn żball kardinali ta’ Virgil van Dijk.
Fit-28 minuta, huma rduppjaw meta mill-cross ta’ Martinelli, Gabriel Jesus daħal bejn Andy Robertson u van Dijk u bir-ras ma żbaljax.
Iżda, fit-42 Mohamed Salah naqqas il-marġni tal-iskor peró fl-54 minuta seta’ għamel aħjar meta ngħataw penalty iżda l-attakkant Eġizzjan xeħet barra.
Madankollu, tliet minuti mit-tmiem Liverpool kisbu d-draw minn daqqa ta’ ras ta’ Roberto Firmino.
Il-goalkeeper ta’ Arsenal, Aaron Ramsdale, kien providenzjali meta evita goals ċerti fuq Darwin Nunez, Salah u Ibrahima Konate.
Fl-aħħar azzjoni tal-partita, Liverpool ġew imċaħħda minn dak li deher penalty ċar meta Salah ġie miżmum fil-kaxxa b’mod irregolari minn Gabriel Magalhaes.
Leeds v C. Palace – Crystal Palace għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni meta barra minn darhom għelbu lil Leeds United bl-iskor kbir ta’ 5-1 biex dawn tal-aħħar baqgħu fil-periklu li jitilfu posthom mal-kbar hekk kif jinsabu żewġ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
B’din ir-rebħa, il-Palace telgħu fit-12-il post, b’sitt punti fuq iż-żona l-ħamra meta fadal tmien partiti għat-tmiem.
Kien Patrick Bamford (21) li fetaħ l-iskor għall-Peacocks b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ corner.
Iżda l-Palace kisbu d- draw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima minn Marc Guehi mill-cross ta’ Sclhupp.
Fit-tieni taqsima, il-Palace skorjaw erba’ goals mingħajr risposta.
Il-goals waslu minn doppjetta ta’ Jordan Ayew (53, 77), Eberechi Eze (55) u Odsonne Edouard (69).