Friday, May 3, 2024

Liverpool jirbħu l-FA Cup għat-tmien darba

Aqra wkoll

Chelsea ………….0

Liverpool ……… 0

(Liverpool 6-5 bil-penalties)

Liverpool rebħu l-FA Cup għat-tmien darba meta fil-finali għelbu lil Chelsea 6-5 bl-għoti tal-penalties wa­­ra li spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals. 

Ta’ min jgħid li fi storja ta’ 150 ta’ din il-kompetiz­zjoni kienet l-ewwel darba li l-finali kienet kontestata bejn żewġ managers Ġermaniżi … Thomas Tu­chel (Chelsea) u Jurgen Klopp (Liverpool). 

Kienu Liverpool li ħarġu fuq l-offensiva fejn fl-ew­wel kwarta fetħu pressjoni li ġiegħlet lill-players ta’ Chelsea jirtiraw lura bl-aktar player perikoluż kien Luis Diaz li ħarbat għal kollox lid-difiża avversarja. 

Chelsea bdew jippruvaw joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom u l-ewwel attakk tagħhom wasal fis-17-il minuta, meta rebħu free-kick barra l-kaxxa li sfuma fix-xejn. 

Liverpool komplew jiddominaw iżda minkejja li sal-20 minuta kellhom sitt tentattivi lejn il-lasti avversarji, ma għarfux jisfruttaw għall-inqas wieħed minnhom. 

Anzi, l-aktar li resqu vi­ċin kienu Chelsea, fl-24 mi­nuta, meta minn kontrattakk ve­loċi, il-kon­klużjoni ta’ Chris­tian Pulisic għad­diet ftit barra. 

Erba’ minuti wara kien il-goalkeeper ta’ Liverpool, Alisson Becker, li evita goal ċert meta ħareġ fil-ħin biex salva fuq Marocs Alonso li ġie żmarkat minn Pulisic. 

Fil-31 minuta, Liverpool tilfu lil Mohamed Salah wara li sofra injury fil-groin u għaldaqstant kellu jinbidel ma’ Diogo Jota. 

Din l-injury kienet daq­qa ta’ ħarta kbira għal Liverpool hekk kif jista’ jfisser li l-istaġun għalih huma mitmum hekk kif ġimagħtejn oħra jridu jilagħbu fil-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid. 

U bil-players demoralizzati għall-aħħar, Chelsea resqu ferm viċin li jiftħu l- iskor iżda Pulisic naqas li jikkonnettja mis-suġġeriment ta’ Romelu Lukaku.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Jota falla ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasti għamel l-impossibbli u xeħet għoli. 

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Chelsea ħarġu aktar avventurużi u bdew jikbru fl-istatura konxji mill-fatt li l-avversarji ddgħajfu bl-injury ta’ Salah. 

Issa kienu huma li  qabdu l-momentum u xeħtu lil Liverpool jiddefendu li sa­ħansitra f’xi ħinijiet dehru wkoll panikużi. 

Peró mal-ħin bdew jid­ħlu fil-logħba u bdew jaq­smu l-logħob mal-avversarji. Madankollu l-partita til­fet mill-entużjażmu tal- ewwel taqsima hekk kif it-taqtiegħa kienet f’nofs il-ground biż-żewġ settijiet ta’ players joperaw bil-kontrattakki … u minkejja heddew il-lasti avversarji, iż-żewġ goalkeepers ftit li xejn ġew impenjati. 

Fis-67 minuta Chelsea laq­tu l-lasta minn free-kick ta’ Marcos Alonso filwaqt fit-83 u fl-84 minuta kien imiss lil Luis Diaz u lil Andy Robertson jiġu mċaħħda mil-lasta għal Liverpool.

Bir-riżultat jibqa’ ma jinfetaħx il-partita kellha tmur għall-ħin barrani … u saħansitra għall-penalties fejn il-players dehru għajjenin fiżikament u mentalment. 

Għal Liverpool skorjaw Milner, Thiago, Firmino, Alexander-Arnold, Jota u Tsimikas filwaqt li falla Mane. 

Għal Chelsea skorjaw Alonso, James, Barkley, Jorginho, u Ziyech filwaqt li Azpilicueta u Mount fallew. 

Sport