Skond rapporti fil-media Spanjola, Liverpool jinsabu ħerqana li jiffirmaw lill-eks player ta’ Manchester United, Mason Greenwood, wara l-prestazzjonijiet brillanti ma’ Olympique Marseille fil-kampjonat Franċiż.
L-attakkant Ingliż jinsab fuq ir-radar ta’ bosta clubs madwar l-Ewropa fosthom Barcelona u jidher li l-Katalani se jisfidaw lir-Reds għall-firma ta’ dan il-player ta’ 23 sena.
Madankollu, it-talba tal-club Franċiż hija dik ta’ €75 miljun li, qed jingħad, Liverpool jinsabu lesti li jħallsu €70 miljun.
Il-karriera ta’ Greenwood bdiet b’mod veloċi f’Manchester United. Fl-2019, huwa ġie promoss għall-ewwel skwadra fejn stabbilixxa lilu nnifsu bħala figura ewlenija f’qasir żmien.
Iżda l-kontroversji fil-ħajja privata tiegħu ta’ vjolenza domestika, tappnu l-karriera tiegħu bil-konsegwenza li r-Red Devils kienu kostretti li jbiegħuh minħabba l-mewġa ta’ kritika mmirata lejn il-club speċjalment mit-team tan-nisa biex tinqata’ kull relazzjoni miegħu.
Huwa ntbagħat b’self ma’ Getafe u minkejja l-wirjiet impressjonanti tiegħu, ma kienx hemm triq lura għalih f’Old Trafford. B’din l-aħbar kien hemm bosta clubs li riedu s-servizzi tiegħu u eventwalment inbiegħ lil Marseille. S’issa f’25 partita huwa kkontribwixxa għal 25 goals.
L-intenzjoni ta’ Liverpool hija li jutilizzaw lil Greenwood fil-post ta’ Mohamed Salah li fi tmiem l-istaġun jintemmlu l-kuntratt u jidher li mhux se jiġġedded.