Fil-Premier League Ingliż, Liverpool bdew is-sena fuq nota mill-aktar negattiva meta barra minn darhom sfaw umiljati minn Brentford bl-iskor ta’ 3-1 biex naqsu li jitilgħu waħedhom fil-ħames post tal-klassifika.
Minbarra li r-Reds għandhom bosta players regolari qed jirkupraw minn injury fit-tul, huma jridu jindirizzaw il-problema ta’ nofs il-ground mill-aktar fis possibbli minħabba li l-avversarji qed jesponu d-dgħufija ta’ dan is-settur.
Brentford fetħu l-iskor minn auto-goal ta’ Ibrahima Konate (19) biex tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima l-Bees irduppjaw permezz ta’ Yoane Wissa.
Madankollu ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Alex Oxlade-Chamberlain reġa’ daħħal lir-Reds fil-partita.
Iżda fl-84 minuta, Bryan Mbeumo rebaħ dwell kontra Konate u b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka aċċerta r-rebħa għal Brentford.