Friday, May 3, 2024

Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ pensjonant mixli b’attentat ta’ qtil 

Id-difiża tisħaq dwar il-problemi ta’ saħħa tal-imputat

Aqra wkoll

Pensjonant ta’ 66 sena nżamm arrestat wara li fil-Qorti weġeb li mhux ħati li prova joqtol raġel ieħor fi sparatura li seħħet f’għalqa biswit Vjal Santa Luċija f’Raħal Ġdid fl-aħħar jum tas-sena. 

Filwaqt li saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża rrimarkat dwar l-problemi ta’ saħħa tal-akkużat fosthom fil-kliewi, tant li kull tlett ijiem ikollu jattendi l-isptar Mater Dei. Barra minn hekk huwa għandu bżonn moniteraġġ kontinwu u għandu problemi serji f’qalbu. Id-difiża ġibdet l-attenzjoni tal-qorti u qalet li waqt l-arrest kellu jittieħed l-Isptar b’urġenza minħabba li ngħata l-insulina xi sigħat tard. 

Minn naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni rrimarkat dwar is-serjetà tal-akkuża fil-konfront tal-imputat u fakkret li dan qed jiġi mixli b’attentat ta’ qtil. B’rabta mat-trattazzjoni li qieset is-saħħa tal-imputat, il-Prosekuzzjoni sostniet li l-ħabs jista’ jagħmel tajjeb għall-visti li għandu l-imputat u li dan jista’ jittieħed lejn l-Isptar f’każ ta’ bżonn.

Il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li għad hemm xhieda li jridu jixhdu f’dan il-każ u wkoll minħabba l-viċinanza tal-proprjetà tal-imputat lejn dik tal-allegat vittma. Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jipprovdi lill-imputat kull assistenza neċessarja u enfasizzat li l-imputat għandu jinżamm taħt osservazzjoni li tara li jingħata l-mediċina kollha li jkollu bżonn.

Għan-nom tal-imputat dehru l-avukati Jose Herrera, Matthew Xuereb, Arthur Azzopardi, Jacob Magri, u Daniel Attard. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Antonello Magri megħjuna mill-Avukati Kaylie Bonett u Nathaniel Falzon mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukat Franco Debono deher parte civile f’isem l-allegat vittma. 

Sport