Friday, November 15, 2024

“Logħba maħmuġa” 

L-eks PM Joseph Muscat dwar il-mod kif qed tiġi milgħuba l-logħba fl-inkjesta Maġisterjali dwar l-isptarijiet

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

‘Il-mod kif qed tiġi milgħuba l-logħba fl-inkjesta Maġisterjali dwar l-isptarijiet huwa wieħed maħmuġ. Għax ma jistgħux jirbħuli demokratikament, qed jipprovaw jagħmlu dal-loghob bil-Qrati b’ġudikatura politiċizzata’. Dan iddikjarah Dr Joseph Muscat meta kien qed jiġi intervistat minn Emmanuel Cuschieri fil-programm Linja Diretta fuq Smash TV.

Dr Muscat qal li dak li għaddej fl-inkjesta hija kummiedja sħiħa fejn qed issir pressjoni kbira fuq il-Maġistrat biex fil-gazzetti jkun hemm il-‘headline’ li Joseph Muscat jitressaq il-Qorti. ‘Jagħmlu li jridu għax jien naf li l-appoġġ għalija se jkun hemm u jien se nibqa’ niġġieled sal-aħħar anki jekk inkun waħdi għax naf li fl-aħħar mill-aħħar mhu se jinstab xejn’ saħaq Dr Muscat.

Huwa spjega li talab ir-rikuża tal-Maġistrat fost oħrajn għax qed ikun hemm ‘leaks’ kontinwi u għax hija qatt ma riedet tisma x’għandu xi jgħid huwa qabel illum. Dr Muscat fakkar ukoll li missier u hu l-Maġistrat esprimew ruħhom pubblikament dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet u dan ukoll għandu jwassal biex ma tkunx hija li tibqa’ tmexxi l-inkjesta. F’każ ieħor intalbet ir-rikuża ta’ Maġistrata minħabba missier ir-ragel tagħha.

Dr Muscat qal li huwa se jibqa’ jaħdem biex il-fatti joħorġu kollha u toħroġ il-verità. Fl-istess ħin wissa lil min qed jagħmel dawn l-affarijiet li se jfittxu għad-danni. ‘Hemm ċerti nies li jaħsbu li l-gvern huwa dritt divin tagħhom u li għax demokratikament qatt ma rebħuli u qatt ma jistgħu jirbħuli, ma jistgħu jaħfruli qatt. Din mażunerija sħiħa’, saħaq Dr Muscat. Dan huwa d-destin ta’ kull Mexxej Laburista għax il-Partit Laburista mhux il-partit tal-‘establishment’ u tal-ftit magħżulin iżda l-partit ta’ nies li ġew mix-xejn.

Fl-intervista Dr Muscat fakkar kif gvern Laburista fl-2013 sab ma’ wiċċu problemi kbar fil-finanzi pubbliċi. Sab ukoll ma’ wiċċu r-realà li l-Isptar Mater Dei kien diġa sar sptar żgħir. Għalhekk kien hemm bżonn li jsir investiment fl-isptarijiet l-oħra li diġa kienu jeżistu. Il-gvern iżda ma kellux il-flus biex jidħol għal dan l-investiment. L-uniku mod kif setgħu jsiru l-affarijiet kien permezz ta’ sħubija mas-settur privat.

Dr Muscat qal li waqt li ma jaqbilx ma’ min jgħid li gvern Laburista għadda l-isptarijiet f’idejn il-privat, żied li l-isptarijiet f’Malta minn dejjem kienu f’idejn il-privat għax l-isptarijiet fl-aħħar mill-aħħar jitmexxew mit-tobba. Il-maġġoranza assoluta tagħhom huma nies tal-affari tagħhom, nies ta’ kuxjenza u nies dedikatissimi iżda hemm dawk il-ftit li jekk ma tmurx fil-privat għandhom ikollok il-problemi. Fakkar kif meta gvernijiet differenti riedu jdaħħlu tibdil fil-qasam tas-saħħa dejjem sabu reżistenza.

Dr Muscat qal li sew sar li kien hemm talba mid-Deputat Prim Ministru biex ikun hemm investigazzjoni sħiħa minn naħa tal-Awditur Ġenerali. Saru tlett rapporti fejn kollox ġie eżaminat minn fuq sa isfel. L-awditur mhux biss għandu d-dritt iżda għandu d-dover illi kieku sab xi ħaġa kontra l-liġi, kien imur għand il-Pulizija u jitlobhom jinvestigaw lilu. Dan iżda ma sarx għax ma kien hemm xejn kontrija, saħaq Dr Muscat.

Iddeskriva r-rapporti tal-Awditur bħala tajbin f’ħafna affarijiet iżda hemm ċerti punti li ma humiex analiżi korretta tas-sitwazzjoni. Ħafna mill-affarijiet li rrimarka l-Awditur huma frott tal-għaġġla iktar milli frott ta’ affarijiet oħra. L-Awditur neħħa ħafna dubji bhal li l-affarijiet saru mingħajr l-approvazzjoni tal-Kabinett. Irriżulta li dan mhux vera. Minn naħa l-ohra, qal Dr Muscat, huwa ma jaqbilx mal-Awditur li l-Kabinett ġie żgwidat. Dwar l-€400 miljun mogħtijin lil Steward, fir-rapport tal-Awditur hemm miktub ċar u tond li fil-maġġoranza tagħhom, dawn huma pagi li l-gvern kien jgħaddi biex jitħallsu l-ħaddiema.

‘Jekk tgħidli setgħu saru aħjar l-affarijiet, ngħidlek li dejjem jistgħu jsiru aħjar l-affarijiet iżda nemmen li lil hinn mill-politika kien hemm dawk li għax jinsabu komdi kif inhuma u ma jridux li jsiru bidliet strutturali fil-qasam tas-saħħa li jneħħu vizzji li ilhom għaddejin snin sħaħ, riedu li dan il-proġett ma jirnexxix’, qal Dr Muscat. Dwar l-argument li Steward kellhom ftehim vantaġġjuż, Dr Muscar irrimarka illi kieku dan kien minnu, kieku ma kienux jitolbu biex il-kuntratt jinbidel.

Dwar l-allegazzjonijiet li qed isiru dwar ħlasijiet li saru lilu, Dr Muscat qal illi  kieku vera li għall-€400 miljun li tħallsu, huwa ingħata €60,000 postu mhux Kordin izda x’imkien ieħor, b’rispett lejn min ibati b’xi kundizzjoni. Dwar il-fatt li l-kuntratt ta’ konsulenza li kien qed jagħti kellu jkun itwal iżda twaqqaf, Dr Muscat spjega li f’dak il-perjodu faqqgħet il-Covid 19 u huwa ma setax jivvjaġġa biex jagħmel xogħlu waqt li l-kumpanija li kien qed jaħdem magħha bħal ħafna kumpaniji oħra irrestrinġiet l-operat tagħha. 

Mistoqsi kif qed toħroġ din l-informazzjoni, Dr Muscat qal li huwa jiddikjara kollox u d-dikjarazzjoni tal-income tax tiegħu baqgħet tintbagħat lill-Parlament sa sentejn wara li ma baqax Prim Ministru u din ikollu aċċess għaliha kulħadd. ‘Jien dejjem tħallast għal xogħol li għamilt, xejn inqas u xejn iktar u għandi provi kemm trid f’dan ir-rigward. Lill-Maġistrat tajtha dawn il-provi u għandi affarijiet oħra xi ngħid f’dan ir-rigward. Ix-xogħol huwa dokumentat bix-xhieda ta’ laqgħat li saru u ta’ proġetti li saru diskussjonijiet dwarhom, kollha barra minn Malta. F’waħda minn dawn il-laqgħat f’pajjiż barrani attenda għaliha anki l-President ta’ dak il-pajjiż’, sostna Dr Muscat.

Fl-intervista Dr Muscat qal li huwa l-ewwel Prim Ministru li wara li spiċċa mill-kariga beda jagħmel xogħol fil-privat, għax ma kienx wasal għall-età pensjonabbli. Kien hemm Ministri u nies oħra bħal Austin Gatt, Tonio Fenech, Joe Saliba, Mario de Marco u Joe Borg li kien Kummissarju Ewropew li kollha wara li spiċċaw mix-xoghol politiku tagħhom bdew jaħdmu f’konsulenzi fis-settur privat. Dr Muscat qal li l-argument li dawn bdew jaħdmu ma’ nies li qatt ma kellhom x’jaqsmu mal-gvern ma jreħix għax f’pajjiżna kważi l-kumpaniji kollha jkollhom xi darba jew oħra x’jaqsmu f’xogħolhom mal-gvern.

Huwa qal  li jrid jara jekk f’din l-istorja ta’ bħal issa ħarġux xi dokumenti foloz. Fakkar kif fil-każ tal-inkjesta Egrant ġew iffalsikati l-firem. ‘Illum kulħadd nesa din l-inkjesta anzi jridu li terġa’ tinfetaħ. Tinfetaħ kemm trid, m’għandi ebda problema, din id-darba iżda b’differenza waħda, wara li tinfetaħ u jerġgħu jinvestigaw dak kollu li jridu u ma jsibu xejn, se nfittex għad-danni lil min ikun talab li terġa’ tinfetaħ’, sostna Dr Muscat.

Dwar il-pakkett li ingħata meta spiċċa minn Prim Ministru, Dr Muscat qal li kull Prim Ministru u kull Ministru għandhom id-dritt li meta ma jibqgħux iservu lill-pajjiż jingħataw pakkett simili. Anki Simon Busuttil għax kien Kap tal-Oppożizzjoni għal erba’ snin ingħata pakkett. Dr Muscat qal li huwa ma ħax daqs kemm ingħata lil Richard Cachia Caruana li fuqhom ma ħallas  ebda taxxa. Dr Muscat qal li bil-kuntraraju huwa ħallas sa l-inqas ewro f’taxxa fuq dak li ingħata u kollox sar b’mod trasparenti.

Ekonomija

Sport