Thursday, April 25, 2024

SWABA’ JIPPUNTAW LEJN IL-PROFITTI TA’ KUMPANIJI KBAR MINĦABBA Ż-ŻIEDA FIL-PREZZIJIET TAL-IKEL

Aqra wkoll

Għax-xahar ta’ Mejju, ir-rata ta’ inflazzjoni fiż-żona Euro naqset għal 6.1 fil-mija minn 7 fil-mija fix-xahar ta’ April.  Minkejja dan il-Bank Ċentrali Ewropew xorta waħda qiegħed jippjana li għal darbtejn wara xulxin jerġa’ jgħolli ir-rati ta’ interessi. Dan se jsir bit-tama li l-inflazzjoni tinżel għal taħt it-3 fil-mija.

Waqt li hi pożittiva li r-rata ta’ inflazzjoni qed tonqos, hemm realtà oħra li qiegħda tinkwieta bil-kbir kemm lill-Gvernijiet, negozjanti u anke l-konsumaturi.

Din hi r-realtà li minkejja li l-ispiża tal-agrikoltura u l-enerġija naqset sew, prodotti tal-ikel bażiċi qegħdin jibqgħu jogħlew fil-prezzijiet tagħhom.

Ir-realtajiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Jekk nieħdu ir-Renju Unit naraw li l-prezz tal-ħobż f’April kien 28 fil-mija għola minn kemm kien sena ilu. Fl-Italja, l-għaġin żdied bi 17 fil-mija fil-prezz metą mqabbel ma’ sena ilu. 

Jekk nieħdu l-Unjoni Ewropea naraw li l-prezzijiet tal-ikel kienu medja ta’ 17 fil-mija għola f’April meta mqabblin ma’ sena ilu.  F’pajjiżna ukoll rajna prodotti essenzjali jogħlew fil-prezz.

Il-mistoqsija li tqum hi għaliex qegħdin naraw din iż-żieda fil-prezzijiet ta’ ikel essenzjali. Dan meta llum qegħdin f’sitwazzjoni differenti minn sena ilu. Sena ilu metą faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, rajna żidiet immedjati fil-prezzijiet tal-enerġija u ta’ materja prima u din ovvjament affettwat il-prezzijiet.

Illum imma l-ispiża marbuta mal-produzzjoni tal-ikel u l-ispiża tal-enerġija naqsu, iżda minkejja dan il-prodotti tal-ikel fosthom dawk essenzjali qegħdin jibqgħu jogħlew.

Dawn iż-żidiet fil-prezzijiet qegħdin iwasslu biex jitfgħu aktar pressjoni fuq il-Banek Ċentrali biex iżommu l-interessi għoljin. Din minnha nfiha mhux biss toħloq pressjoni fuq għadd ta’ nies fosthom dawk li ssellfu biex jixtru djarhom, iżda anke tista’ toħloq restrizzjonijiet fuq it-tkabbir ekonomiku.

Illum m’hemm ebda dubju li waħda mir-raġunijiet ewlenin li qed iżidu l-prezzijiet tal-ikel huma l-istrateġiji ta’ korporazzjonijiet u kumpaniji li jkabbru l-profitti tagħhom. Filfatt għax-xhur li għaddew kien hemm kumpaniji u korporazzjonijiet li rreġistraw profitti rekord.

Dawn il-profitti rekord seħħew għax dawn l-istess kumpaniji għollew il-prodotti  ferm aktar minn kemm żdidulhom l-ispejjeż. 

Illum anke l-Bank Ċentrali Ewropew  qed jiddikjara li l-profitt ta’ korporazzjonijiet kbar jikkontribwixxu biex tiżdied l-inflazzjoni fuq prodotti essenzjali tal-ikel.

U quddiem din iż-żieda fil-prezzijiet essenzjali tal-ikel  qegħdin naraw gvernijiet jieħdu miżuri drastiċi ta’ kontroll fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. Fost dawn hemm Franza u l-Ungerija. Fir-Renju Unit qegħdin jiddiskutu pjani simili.

Meta țara miżuri simili ma tistax ma tiftakarx x’ġara fil-passat u kif interventi simili ma ħadmux u dan għax ħolqu skarsezza u ‘black markets’. Ħafna ekonomisti ukoll huma xettiċi dwar il-kontroll tal-prezzijiet.

Lil hinn minn dan irridu nistennew ħalli naraw x’se jkun l-impatt ta’ dan il-kontroll f’dawn il-pajjiżi. Sa issa hemm biss spekulazzjonijiet dwar x’jista’ jkun l-effett.

Li hu żgur li l-mod kif qegħdin jogħlew il-prezzijiet tal-ikel, persuni vulnerabbli qegħdin isibuha dejjem aktar bi tqila biex ilaħħqu mal-ħajja. Jippruvaw jiffrankaw kif jistgħu biex il-paga isservihom.  Bla dubju ta’ xejn li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel qed tnaqqas il-kwalità tal-ħajja fost sezzjonijiet sħaħ talj-popolazzjoni.

Sport