L-avventura ta’ Malta fil-Logħob tal-Commonwealth, intemmet il-Ħadd meta l-uniku ċiklist Malti, Aidan Buttigieg, ħa sehem fir-Road Race.
Il-korsa ta’ 160km madwar Warwick, rat total ta’ 124 ċiklist minn 37 pajjiż jidħlu f’korsa teknika u miżgħuda bit-tlajja. Xejn inqas minn 59 ċiklist ma spiċċawx it-tellieqa. Dan kien minħabba r-regola li tara lil dawk li jkollhom distakk ta’ aktar minn 10 minuti wara l-peloton prinċipali jiġu mwaqqfa.
Buttigieg, 24 sena, li ilu biss tlett snin jikkompeti, ipproduċa tellieqa kkontrollata kontra sewwieqa li huma wċuh familjari fuq tours internazzjonali bħal Geraint Thomas u Mark Cavendish.
Bħala ċiklist fuq ċirkwit kontinentali b’ħafna inqas esperjenza, huwa żamm postu fil-peloton b’medja ta’ 44km fis-siegħa f’dik li kienet deskritta bħala tellieqa brutali.
Buttigieg temm fis-60 post fil-ħin ta’ 3:37:20 sigħat.
It-tellieqa intrebħet minn Aaron Gate (New Zealand), fil-ħin ta’ 3:28.29, segwit minn Daryl Impey (Afrika t’Isfel) u Finn Crockett (Skozja).
Il-Logħob tal-Commonwealth jaslu uffiċjalment għal tmiemhom illum, it-Tnejn 8 ta’ Awwissu meta se ssir iċ-Ċerimonja tal-Għeluq fl-Alexander Stadium.
Charlotte Wingfield li waslet sas-semi-finali tal-200m u kienet parti mit-team tal-4x100m li s-Sibt rregistra Rekord Nazzjonali, intgħażlet biex iġġor il-bandiera Maltija.