Sunday, December 22, 2024

Logħob tal-Commonwealth: James Wilby jegħleb lil Adam Peaty fil-100m breaststroke

Aqra wkoll

L-għawwiem Britanniku, Ja­mes Wilby, rebaħ il- midalja tad-deheb fil-100m breaststroke tal-irġiel hekk kif il-kompatrijott tiegħu, Adam Peaty, spiċċa b’mod sorprendenti barra mill-midalji fit-tielet ġurnata fil-Logħob tal-Commonwealth li qed isir f’Birmingham, l-Ingilterra.

Peaty qatt qabel ma tilef tellieqa tal-kbar fl-avveniment favorit tiegħu u deher lest biex jikseb hat-trick peress li ċ-champion fi Glasgow 2014 u fil-Gold Coast erba’ snin ilu bla sorpriża kien fuq quddiem f’nofs it- tellieqa.

Iżda huwa tilef il-momentum fl-aħħar stadji u ġie maqbuż minn Wilby, li rebaħ f’59.25 sekondi f’Sand­well Aquatic Centre, ftit aktar minn siegħa sewqan minn fejn trabba Peaty f’Utto­xeter.

Zac Stubblety-Cook spiċ­ċa t-tieni f’59.52 sekondi filwaqt li l-Awstraljan, Sam Williamson, ħa l-bronż f’59.82s, 0.04s qabel Peaty li temm fir-raba’ post.

Peaty kien qed jagħmel ir-rimonta tiegħu wara li sofra ksur f’siequ f’Mejju, li wassal biex jitlef il-Kampjonat tad-Dinja tax-xahar li għadda, u l-ħin tiegħu ta’ 59.86s kien ftit inqas minn żewġ sekondi inqas mill-aħjar ħin personali tiegħu.

“Ma nafx x’mar ħażin,” qal Peaty. “Meta kien fadal 25m ma kelli xejn fit-tank. Forsi dik hija espożizzjoni żejda fuq is-sieq. Kultant ikollok biss tellieqa ħażina, ma nistax nipponta fejn mort ħażin.

“Kienet finali bil-mod, ma nistax niftakar l-aħħar darba li mort daqshekk bil-mod. Sempliċement ma marritx tajjeb. Ovvjament li jien diżappuntat iżda dan hu li jġiegħlek tmur aktar veloċi fid-darba li jmiss.

“Għażilt li nissielet, ma tantx jimpurtani mill-istatistiċi jew kemm ilek mhux megħlub. Kull darba li nidħol f’din il-kaxxa, jien lest nissielet u ntellaq kontra kulħadd fid-dinja.

“Tlift dik ix-xrara, kemm jekk b’sieqi, iżda se nkun qed infittex li nsibha fix-xhur li ġejjin u fis-sentejn li ġejjin.”

ID-DEHEB FIL-LAWN  BOWLS IMUR  GĦAND L-INGILTERRA

It-team tal-Ingilterra ċċe­lebra d-deheb fil-Men’s Triples fil-lawn bowls tal-Irġiel b’rebħa ta’ 14-12 fuq l-Awstralja f’Victoria Park ilbie­raħ wara nofsinhar.

Il-players Louis Ridout, Nick Brett u Jamie Chestney laqgħu għar-rimonta tard mir-runners-up tal-Gold Coast, fejn Barry Lester, Carl Healey u Ben Twist kellhom jerġgħu  jikkuntentaw bil-midalja bil-fidda.

It-trio ta’ Wales, Owain Dando, Ross Owen u Jonathan Tomlinson, għelbu lil Fiji 21-7 fil-partita għall-midalja tal-bronż.

SINGAPORE  BL-EWWEL DEHEB  FIT-TABLE TENNIS

Singapore rebħu l-ewwel midalja tad-deheb ta’ Birmingham 2022 b’rebħa fuq il-Malasja fit-table tennis tat-timijiet tan-nisa.

Jingyi Zhou u Jian Zeng bdew b’rebħa ta’ 3-1 fuq Karen Lyne u Ying Ho fid-doubles.

Tianwei Feng għeleb lil Li Sian Alice Chang 3-0 fl-ewwel partita tas-singles bid-deheb jiġi ssiġillat meta Jian għeleb lil Ying Ho 3-1 biex ta vantaġġ insuperabbli ta’ 3-0 lil Singapore.

L-Awstralja ħadu l-midalja tal-bronż wara rebħa ta’ 3-0 fuq Wales.

Ekonomija

Sport