“Malta għandha bżonn, u jixirqilha, Oppożizzjoni kredibbli b’mexxej ġdid mill-aktar fis.” Hekk saħaq Louis Galea, eks Segretarju Ġenerali eks-Ministru tal-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija kmieni dalgħodu wara li matul il-lejl li għadda l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia tilef vot ta’ fiduċja fi ħdan il-kumitat eżekuttiv tal-PN.
Il-vot ittieħed wara li l-ġimgħa li għaddiet huwa kien sfiduċjat f’vot sigriet mill-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti.
Fil-vot li ttieħed matul dan il-lejl, 47 membru tal-eżekuttiv ivvotaw kontra Delia, 35 ivvotaw favurih, filwaqt li persuna astjeniet f’dak li kien vot sigriet.
Intant fl-istqarrija maħruġa kmieni dalgħodu, Louis Galea, li kien maħtur minn Delia nnifsu biex iniedi proċess ta’ riforma fil-Partit Nazzjonalista, qal li sena ilu kien ingħata l-inkarigu li jmexxi proċess ta’ riforma u tiġdid fil-PN. Filwaqt li saħaq li l-istatut il-ġdid li ġie fis-seħħ fil-ġimgħat li għaddew huwa biss il-pedament għall-futur tal-partit, Galea tenna li “jekk ma jkunx hemm tmexxija ġdida li kapaċi tgħaqqad il-qawsalla kollha tal-opinjonijiet li l-PN minn dejjem tħaddan, u li tispira fiduċja fil-poplu u taħdem għall-milja tal-aspirazzjonijiet tiegħu, dan il-pedament ma jissarrafx fil-ġid li għandu l-mira u l-potenzjal li jilħaq”.
Żied jisħaq li l-vot ta’ sfiduċja mill-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti, u dak li ttieħed fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN juru bl-aktar mod ċar li l-Partit Nazzjonalista, b’urġenza għandu jniedi proċess li jwassal għall-għażla ta’ mexxej ġdid tal-partit.
Galea kellu kliem iebes fil-konfront ta’ Delia li saħaq li “huwa għal kollox ħażin u żbaljat li Delia jbaxxi dawn l-organi u jgħid li l-voti b’maġġoranza ċara tagħhom m’ħandhom l-ebda konsegwenza.” Dan filwaqt li qal li l-voti tal-Membri Parlamentari – eletti minn eluf kbar ta’ ċittadini – u tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv – eletti mill-iċken sal-ogħla saff tal-partit – mhumiex voti kontra l-interessi tal-partit imma espressjoni libera u demokratika dwar x’inhu l-aħjar li jsir biex il-partit jaqbad it-triq tas-suċċess.
Galea żied jgħid li “tliet snin ilu maġġoranza ta’ tesserati tal-PN għażlu lil Adrian Delia bħala Kap fuq il-wegħda li kien ser jimplimenta ‘mod ġdid’ ta’ politika u li kien ser jirbaħ lura l-fiduċja tal-poplu li l-partit kien qed jitlef. Wara tliet snin it-tesserati mhux biss ma rawx din il-wegħda sseħħ, talli raw il-partit isofri emoraġija ta’ appoġġ u fiduċja.”
Tenna li filwaqt li t-tesserati jivvotaw għall-Kap, il-Kap hu soġġett għall-kontabbilità lejn l-organi tal-partit – il-Kumitati Sezzjonali, il-Grupp Parlamentari, il-Kunsill Amministrattiv, il-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, u d-dmirijiet tat-tesserati fl-elezzjoni tal-Kap mhumiex superjuri għad-dmirijiet u l-funzjonijiet ta’ dawn l-organi.
Huwa temm jgħid li Adrian Delia “huwa fid-dmir jieqaf jabbuża mil-lealtà u t-tjubija tat-tesserati u huwa obbligat jidderiġihom skont id-direzzjoni li qed jagħti l-Kumitat Eżekuttiv għall-ġid tal-partit.”