Wednesday, April 24, 2024

JGĦIX L-AVVENTURA U JIRBAĦHA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dylan Agius – rebbieħ tal-programm tant popolari li jixxandar fuq ONE, Liquorish, għal din is-sena, fejn bil-qlubija u l-karattru ferrieħi tiegħu ġibed is-simpatija tat-telespettaturi li segwewh minn ġewwa darhom

Miktub Minn Cristian Muscat

Kif tista’ tiddeskrivi t-tfulija tiegħek?

Tista’ tgħid li kelli tfulija normali ferm. Jien twelidt Ħaż-Żabbar u apparti li kont immur l-iskola primarja, kont għaddejt għall-Kulleġġ De La Salle fejn hemmhekk ukoll għandi memorji sbieħ.

Il-futbol kien wieħed mill-isports li kont nieħu gost nilgħab. Niftakar li kienet xi ħaġa inevitabbli li mmur nilgħab ma’ Żabbar St Patrick mhux biss għax kont qed nilbes il-flokk ta’ raħal twelidi iżda wkoll għax dak iż-żmien kien hemm l-aqwa plejers li kienu għadhom żgħar u li kienu se jagħmlu isem għalihom infushom fil-futur.

Nitkellmu dwar ‘l hekk imsejħa tattoos fejn minbarra li huma tant għal qalbek, għandek ukoll ħanut tat-tpinġija. X’inhi l-perċezzjoni tan-nies meta jaraw persuna mimli bihom?

B’xorti ħażina għad hawn nies li jaraw persuna mimlija tattoos bħala ħamalla. Minkejja kollox, id-dinja qed tinbidel u magħha wkoll il-mentalita’ ta’ ċerti nies.

Illum il-ġurnata jekk ikollok xi tpinġija ma jfissirx li int ikkunsidrat bħala ħamallu jew inkella imħawwad.

Anzi llum tara nies li ħafna dan l-aħħar sejħulhom bħala front-liners u li xorta jiddeċiedu li jagħmlu tpinġija. Int ma tistax tiġġudika persuna minn dak li tara iżda trid issir tafu sew. 

Personalment naf persuni qalbhom tad-deheb li għandhom ħafna tattoos ma’ ġisimhom kollha. Li rrid ngħidlek hu li persuna trid issir tafha sew mhux tiġġudika minn dak li tara.

Kemm affettwatek il-pandemija tal-COVID-19 f’ħajtek?

Ifhem lili effettwatni ħafna. Peress li jien xogħli tattoo artist, il-klijenti ma setgħux ikomplu jiġu minħabba l-pandemija u bħala sport verament kienu ftit dawk li setgħu jitħarrġu. Kien żmien ikrah li nawguraw li ma jerġax jiġi fuqna. 

Fejn stajt bdejt nagħmel xi ġirja u eżerċizzji fiżiċi personalizzati. Ridt nidra rutina ġdida ferm differenti minn dik li mdorri biha.

Ħa ndawru s-suġġett u nitkellmu dwar il-programm Liquorish. Taqbel li l-arti marzjali u l-ħeġġa li għandek għat-tattoos għenuk sabiex tikseb dak li xtaqt?

Naqbel mal-analiżi dettaljata tiegħek. Nemmen li l-passatempi li fil-verita’ ngħix għalihom iġifieri l-arti marzjali u t-tpinġija kienu żewġ fatturi importanti għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni.

Liquorish kienet avventura ferm iebsa, partikolari u sabiħa. Fiżikament tgħejja minħabba li kollox hu avventura. Madankollu meta tidħol għaliha u tipprepara sew mentalment qabel kif suppost, l-affarijiet ikunu aħjar. Ġaladarba tkun hemmhekk bejn wieħed u ieħor taf x’se ssib u trid tipprepara ruħek ukoll għal xi affarijiet mhux mistennija.

Kont qed tistenna li se tirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena?

Lanqas xejn! Għalija kienet diġa’ xi ħaġa kbira li wasalt sal-aħħar fażijiet ta’ dan il-programm. Dan kollu meta tqis li sabiex wasalt hawn kelli nistenna mhux ftit mhux ħażin sakemm raw l-awdizzjoni tiegħi. Madankollu ma jiddispjaċini xejn għal dak li għamilt u nirringrazzja lil kulħadd tas-sapport u l-għajnuna li sibt.

Kien hemm xi kontestant li kont xi ftit qrib tiegħu?

Dejjem ikun hemm xi ħadd li tinġibed lejh għalkemm jien kont immur tajjeb ma’ kulħadd. Jien imdorri bil-klijenti l-ħin kollu waqt ix-xogħol tiegħi u għalhekk ma domtx sabiex integrajt mal-grupp kollu. Kelli lil Dalton u Redeemer li kellhom karattri partikolari li laqtuni għalkemm anke l-oħrajn kellhom kwalitajiet sbieħ ferm.

Kif irnexxielek tiekol l-insetti?

Kien hemm ħafna saqsewli din id-domanda. Jien ngħid il-verità kont ili nipprepara għaliha għax kont naf li kien se jasal dan il-mument partikolari. Imbagħad la tasal trid tagħmilha sabiex timxi mal-protokoll tal-programm. 

X’differenza tara bejn l-Indoneżja u Malta?

Hemm differenza kbira bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. L-Indoneżja hemm ħafna faqar għalkemm in-nies huma ferm umli.

F’Malta tista’ tgħid li aħna mdorrijin fil-fsied u li nsibu kollox lest. Hemmhekk l-affarijiet huma ferm differenti. Għalhekk hi esperjenza għalkollox unika.

Issa li rbaħt din il-kompetizzjoni żgur mhux forsi li se tkun bniedem popolari man-nies.

Biex ngħidlek il-verità jien mhux se nara li se tinbidilli wisq ħajti. Hu veru li se jkolli aktar nies li jwaqqfuni iżda jien kif għedtlek diġa’ jien dejjem se nibqa’ saqajja mal-art.

Minn dejjem kont bniedem umli u ma narax li għandi nitkabbar issa li rbaħt il-programm. Għalhekk nista’ nassigurakom li se tibqgħu taraw lill-istess Dylan Agius li kontu mdorrijin taraw.

Kont qed tobsor li se tikseb maġġoranza daqshekk kbira ta’ voti?

Le sinċerament ma kontx nobsor li se nġib punteġġ daqshekk tajjeb. Ma kontx qed nistenna dik il-qabża fil-punti meta tqis li jien m’għamiltx xi pubbliċità ta’ barra minn hawn u ma waqqaft l-ebda paġna fuq Facebook. 

Jien ngħid li ma kinitx mistennija. Iżda minn hawn nixtieq insellem u nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu fija.

Finalment nixtieqek tgħaddi messaġġ ta’ tama lil dawk in-nies li jaqtgħu qalbhom quddiem xi sfida partikolari li għandhom fil-ħajja.

Nixtieq ngħid li l-ħajja mimlija sfidi. Għandek żewġ għażliet. Jew taħrab mill-isfida jew taffaċċjaha. Jien nagħżel li naffaċċjaha. Minkejja li din l-istess sfida ġġib magħha diffikultajiet kbar, xorta waħda trid taqdef sabiex tieħu dak li tixtieq. Mingħajr tbatija ma tgawdix.

Sport