Omm Lucas qasmet dak li għaddiet minnu u dak li għadha għaddejja minnu biex tagħti ispirazzjoni lil bosta.
Tgħid li binha għandu sentjen u minn meta twieled qatt ma kellu ħajja faċli bħal tfal oħra.
“Meta twieled u qalulna li għandu Down Syndrome, għalina kien xokk kbir. Ma konniex qed nistennewha. Minnufih kellu jidħol fl-NPICU, u minn hemm bdiet il-ġlieda tiegħu. Malli ġie d-dar bdejna terapiji, iżda xorta waħda kellu jidħol l-isptar ħafna drabi minħabba n-nifs u kundizzjonijiet oħra li jiġu mal-kundizzjoni tiegħu,” tgħid l-omm.
Tkompli tgħid li f’jum minnhom waqt li kienu għat-terapija bdiet tinnota li kien abjad ħafna. “Qalbi ma straħitx. Tabib li rah hemmhekk qal li aħjar immorru l-Emerġenza. Kien is-27 ta’ Settembru 2023. Fl-Emerġenza qalulna li kellu d-demm baxx, u tellgħuna fil-ward. Għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, tabiba daħlet u qaltilna kliem li qatt ma ninsa: It-tifel għandu leukemia…” qalet l-omm.

L-omm tkompli tirrakkonta li dak il-ħin id-dinja waqfet. Ħassitha bla kliem hekk kif ix-xokk tal-aħbar kien kbir wisq. “Imla b’biża’ li qatt ma ħassejt bħalha. Bdejt naħseb x’se jiġri minn ibni, speċjalment meta naf li minħabba l-kundizzjoni tiegħu, kollox ikun aktar diffiċli.
Inżilna fir-Rainbow Ward, post li sar it-tieni dar tagħna. Kien hemm mumenti ta’ biża’, mumenti ta’ dmugħ, u anke mumenti fejn reġa’ kellu jidħol l-NPICU u nerġgħu nitilgħu lura. Sitt xhur sħaħ ta’ ġlieda. Imma f’dawk ix-xhur sibna tim straordinarju li mexa magħna pass pass,” tgħid omm Lucas.
Tgħid li Puttinu Cares huma familja. Waqt li tkun għaddej minn tbatija, huma jkunu warajk.
“Id-donazzjonijiet tagħkom ma jagħtux biss għajnuna finanzjarja — jagħtu kuraġġ, tama u saħħa biex tkompli. Jagħmluna nħossuna li aħna familja waħda. Fil-Rainbow Ward ħassejtni qisni d-dar. Anke l-Milied qattajnieh hemm, iżda kuljum jagħmlu minn kollox biex iferrħu lit-tfal. Ir-rigali ma jonqsux, it-tbissima ma tonqosx, u l-imħabba tinħass kullimkien,” tgħid omm Lucas.
Hija rringrazzjat lit-tobba kollha b’mod speċjali lil Dr Charles li mexa din it-triq kollha ma’ Lucas b’dedikazzjoni kbira, kif ukoll lil Dr Nathalie, Dr Adriana u Dr Katya, li saħansitra darba bdiet tkantalu.
“Grazzi lin-nurses kollha tar-Rainbow Ward, lill-health carers, lill-physio, lil Miss Sarah, lill-cleaners — tim wieħed kbir b’qalb waħda. Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lil Angel u Rennie, żewġ persuni b’qalb kbira li dejjem ippruvaw iżommu tbissima fuq wiċċ ibni u ġabulna ikel tajjeb f’dawn ix-xhur diffiċli. Grazzi lil kull min sajjar u ħaseb fina…” tgħid l-omm.
Hija temm il-messaġġ tagħha billi tgħid “Lucas għadu jiġġieled, u aħna miegħu. U bil-għajnuna tagħkom, nibqgħu nsibu t-tama kull jum.”



