Il-midfielder tal-Kroazja, Luka Modric (ritratt), iffirma kuntratt ġdid ta’ sena li se jżommu ma’ Real Madrid sas-sajf tal-2024. Dan wara li l-kuntratt tiegħu kien ġie stabbilit li jiskadi fil-Bernabeu, bil-player jissemma’ ma’ trasferiment fis-Saudi Pro League tal-Arabja Sawdija.
Modric, 37 sena, għamel 488 dehra ma’ Real, u rebaħ tliet titli ta’ La Liga u ċ-Champions League ħames darbiet minn meta seħibhom mingħand Tottenham Hotspur fl-2012.
Huwa rebaħ ukoll il-Ballun tad-Deheb fl-2018 hekk kif il-Kroazja waslu sal-finali tat-Tazza tad-Dinja.
Wara t-tħabbira tal-kuntratt il-ġdid tiegħu fil-kapitali Spanjola, fuq Twitter, Modric kiteb “Home Sweet Home”.
Huwa segwa lil Toni Kroos, Dani Ceballos u Nacho Fernandez fl-estensjoni tal-kuntratti tagħhom mal-club dan is-sajf u għadu meqjus bħala player ewlieni għar-rebbieħa taċ-Champions League 14-il darba.
Real diġà lestew iż-żieda ta’ profil għoli fl-internazzjonali Ingliż, Jude Bellingham, mingħand Borussia Dortmund, dan is-sajf biex iżidu aktar kompetizzjoni għal postijiet f’nofs il-ground tagħhom.