Anke fil-qasam tat-turiżmu xi kultant nagħtu l-impressjoni ta’ ħarsa strateġika li qed tifrex fuq żewġ perspettivi li huma kuntrarji għal xulxin. Minn naħa, insostnu l-ħtieġa li biex jibqa’ prodott li jattira, it-turiżmu lejn Malta jrid inaqqas min-numri ta’ min qed jasal u jikkonċentra fuq żieda ta’ kwalità tat-turisti li tfisser żieda f’kemm kull turist jonfoq. Biex jirnexxielna f’tat-tieni, irridu nżidu fil-kwalità ta’ dak li qed noffru.
Fl-istess waqt li jintqal dan kollu, permessi biex jibnew aktar lukandi jew biex oħrajn iżidu fil-kmamar li jkollhom għall-bejgħ baqgħu għaddejjin b’rankatura sħiħa. Il-bini ta’ aktar lukandi jinsab għaddej fl-aqwa żoni turistiċi biex ikompli jżid mar-rebus fit-toroq u l-pjazez tagħna. Dan l-effett żgur mhux qed itejjeb il-kwalità tal-ambjent urban u turistiku li jeżisti f’pajjiżna.
It-tweġiba kontra dan l-argument sa issa mhijiex qed tiġi kontradetta mill-fatti: it-turiżmu lejn pajjiżna baqa’ jespandi. Sar qisu atleta fuq bicycle – biex ikompli għaddej, irid iħaffef aktar, għax jekk se jnaqqas fil-ħeffa li għaddej biha, jogħtor.
***
IL-GWU
Ma nara xejn ħażin filli l-General Workers Union ikollha ċ-ċans li tagħmel użu kummerċjali serju mill-propjetà li għandha biex issostni l-finanzi tagħha. Hi propjetà li l-gvern għaddielha fis-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor meta kienet immexxija minn Joe Attard Kingswell biex tkun tista’ ttella l-ħidma tagħha fit-trejduninżmu u l-ġurnaliżmu. Sewwa sar.
Fl-1997, konna wessajna l-kundizzjonijiet tal-kuntratt biex seta’ jsir mill-bini użu kummerċjali. Dan l-aħħar kien meħtieġ li l-kundizzjonijiet jitwessgħu aktar, u dan sar b’mod trasparenti.
Il-GWU kienet u għadha istituzzjoni indispensabbli fil-pajjiż biex tippromowovi l-ħarsien tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom. Tista’ tikkritikaha għal xi aspetti ta’ ħidmietha, imma xorta jixirqilha kull appoġġ fit-tmexxija tal-proġetti tagħha.
***
BL-INĊENTIVI
Fil-ħidma li trid issir biex b’xi mod jew ieħor jitnaqqas il-volum tat-traffiku fit-toroq tagħna, naqbel ma’ min jemmen li bl-inċentivi waħidhom, il-mira ma tistax tintlaħaq. Irid ikun hemm inċentivi biex is-sewqan tal-karozzi jitnaqqas, veru, imma magħhom irid ikun hemm ukoll piżijiet jew spejjeż ogħla assoċjati mas-sewqan.
Il-gvernijiet tal-lum donnhom jibżgħu jagħmlu dil-ħaġa (u mhux biss dwar it-traffiku). Għax hemm limitu għal kemm tista’ ddaħħal bidliet meħtieġa sempliċement billi tkabbar l-hekk imsejjaħ feel good. Din mhijiex ħaġa li l-partiti politiċi lesti jaċċettaw.
Min-naħa l-oħra, għandhom raġun dawk li jgħidu kif inċentivi u piżijiet ġodda fuq is-sewqan ta’ vetturi privati ma jirnexxux jekk biex tasal minn post għal post, ma jinstabux alternattivi effettivi u affordabbli għas-sewqan b’karozza. Sal-lum dawn l-alternattivi ma jeżistux, jekk irridu nitkellmu b’onestà.