Friday, November 22, 2024

Luxol jibdew id-difiża tat-titlu kontra Ta’ Xbiex Futsal

Aqra wkoll

Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s se jibdew id-difiża tat-titlu tagħhom b’logħba kontra Ta’ Xbiex hekk kif ilbieraħ telgħu l-poloz tal-Enemed Futsal League fl-MFA Trophies Lounge.

Fl-istaġun li għadda, it-tim immexxi minn Gabriel Dobre iddomina x-xena tal-futsal lokali meta rebaħ mhux biss il-kampjonat u l-kompetizzjoni KO iżda wkoll is-Super Cup.

F’aktar logħbiet li se jintlagħbu mill-ewwel ġurnata ta’ dan il-kampjonat, Marsaskala Futsal Legends jaffaċċjaw lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt is-17-il sena filwaqt li Gżira/Birżebbuġa St Peter’s Futsal jilagħbu kontra Swieqi United Futsal LEC 07. Finalment l-Universita’ ta’ Malta jaffrontaw lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena bil-kampjonat li se jibda fl-ewwel ġimgħa t’Ottubru.

Sadanittant telgħu wkoll il-poloz tal-Enemed Women’s Futsal League fejn iċ-champions Lija Women jilagħbu kontra Santa Margerita Futsal B filwaqt li Swieqi United telgħu biex jilagħbu l-ewwel logħba kontra Zero Sei Women Futsal. Mtarfa Women Futsal jaffrontaw lil Parr Mela Pebbles Futsal filwaqt li Santa Margerita Futsal A se jkollhom l-ewwel impenn tagħhom kontra Iklin Women’s Futsal.

Preżenti għal dawn il-poloz kien hemm l-ogħla uffiċjali tal-FMA u rappreżentanti tat-timijiet parteċipanti flimkien ukoll mal-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris.

Sport