Wednesday, October 9, 2024

Transport Malta tintroduċi Pjan ta’ Immaniġar biex tnaqqas it-traffiku ta’ Lura għall-Iskola

Aqra wkoll

Transport Malta qed tiehu sensiela ta’ miżuri mmirati biex jimminimizzaw l-interruzzjonijiet tat-traffiku u jiżguraw toroq aktar siguri għal dawk kollha li jivvjaġġaw hekk kif mill-gimgha d-diehla tibda s-sena skolastika l-ġdida.

Waqt li rrikonoxxiet iż-żieda fil-pressjoni fuq in-netwerk tat-toroq matul dan il-perjodu, Transport Malta ħarġet pjan koordinat biex ittejjeb il-fluss tat-traffiku, ittejjeb is-sigurtà pubblika, u tnaqqas il-konġestjoni, partikolarment madwar l-iskejjel matul l-aktar ħinijiet fejn ikun hemm traffiku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia enfasizza kif il-prijorità tagħna hija li nissalvagwardjaw linteressi ta’ dawk kollha li jsuqu u jivvjaġaw fit-triq filwaqt li niżguraw li l-istudenti, il-ġenituri, u l-għalliema jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn u mill-iskola b’mod effiċjenti u sigur.

“Se npoġġu aktar minn 55 uffiċjal tal-infurzar, 10 muturi, u billi nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna mal-kunsilli lokali, l-LESA, u l-Pulizija, se nimpenjaw ruħna li
nindirizzaw l-effetti tal-konġestjoni tat-traffiku u niżguraw vjaġġi bla xkiel fl-aktar ħinijiet bieżla tal-iskola,” sostna Kurt Farrugia.

Fattur ewlieni minn dan il-pjan huwa ż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ uffiċjali tal-infurzar. Aktar minn 55 uffiċjal tal-infurzar, flimkien ma’ 10 muturi, se jiġu mqassma strateġikament f’toroq ewlenin biex jikkontrollaw it-traffiku u jiżguraw li r-regolamenti jiġu nfurzati.

Dawn l-uffiċjali se jkunu preżenti mhux biss filgħodu iżda wkoll wara nofsinhar, biex jiżguraw kontroll tajjeb waqt l-aktar ħinijiet bieżla ta’ tluq u ġbir tal-iskola. Din il-preżenza miżjuda hija parti minn sforz usa’ biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq u jitnaqqas l-ipparkjar illegali, veloċità eċessiva, u ksur ta’ liġijiet oħra li jikkontribwixxu għall-konġestjoni.

Minbarra l-infurzar imsaħħaħ, l-Awtorità qed taħdem mill-qrib ma’ uffiċjali tal-LESA u l-Pulizija biex taċċerta kooperazzjoni b’saħħitha. Żieda f’patrols madwar it-toroq se ssaħħaħ dawn l-isforzi, b’enfasi fuq żoni ta’ traffiku għoli u żoni tal-iskejjel biex jiġi żgurat kontroll aħjar.

Transport Malta se tkun qed taħdem mill-qrib ukoll malKunsilli Lokali, hekk kif se tkun qed tintalab “no objection” mill-Kunsilli Lokali għal ċertu permessi li huma biswit skejjel u waqt sigħat fejn ikun hemm ammont kbir ta’ traffiku.

Permessi ġodda għal xogħolijiet fit-toroq se jkun qed jinħarġu biss fejn ma jaffettwawx b’mod qawwi t-traffiku u mhux se jinħarġu permessi ġodda biex isiru
xogħolijiet f’ ċerti hinijiet li jaffettwaw it-traffiku.

L-Awtorità se tkun qed toffri ukoll servizz b’xejn ta’ tow trucks waqt ħinijiet partikolari tal-ġurnata sabiex jassiguraw li l-fluss ta’ traffiku jibqa’ għaddej mingħajr tfixkil.

Il-pjan se jkun analizzat kontinwament, u se jsiru aktar aġġustamenti kif meħtieġ biex jiġi aċċertat is-suċċess tiegħu matul is-sena skolastika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport