Hi tipika ta’ meta s-soċjetà partikolarment dik Amerikana, tkun għaddejja minn mument ta’ tensjoni (bħal ma ġabet magħha il-pandemija tal-Covid-19), in-nies aktar jirrkorru għall-films tal-orrur. Għaliex? It-teorija hi li n-nies isibu faraġ li huma mhux f’sitwazzjoni daqstant ħażina daqs il-karattri fil-film li jkunu qed jaraw!
Għal ġimgħa oħra, il-film bl-akbar suċċess fil-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa kien il-film tal-biża’ “Candyman”. Dan hu sequel dirett għall-film li hawn Malta konna rajna f’Ġunju 1993 bl-istess isem, u li kien ispirat min-novella tal-1985, ‘The Forbidden’ ta’ Clive Barker. Dik il-verżjoni meta ħarġet ma tantx kienet marret tajjeb mal-pubbliku imma fis-snin ta’ wara saret cult classic. Il-verżjoni l-ġdida hi maħduma taħt id-direzzjoni ta’ Nia DaCosta u hemm aktar realiżmu fiha milli mit. Jirritorna Tony Todd li kien il-Candyman oriġinali fil-film tas-snin disgħin.
Fl-ewwel tlitt ijiem, “Candyman” kellu dħul ta’ $22.37 miljun, li hi ċifra għola minn dik mistennija. Dan sewa $25 miljun biex inħadem. Barra l-Istati Uniti, “Candyman” ma tantx impressjona billi minn 51 pajjiż, kellu dħul ta’ $5.23 miljun.
“Free Guy” b’Ryan Reynolds niżel fit-tieni post filwaqt li l-film animat “Paw Patrol: The Movie” niżel fit-tielet post. Fir-raba’ u fil-ħames post hemm “Jungle Cruise” u film ieħor tal-orrur, “Don’t Breathe 2”.
Luzzu
Fil-bidu ta’ din is-sena, kellna l-aħbar sabiħa li għall-ewwel darba film Malti kien qed jikkompeti fis-Sundance Film Festival. Huwa festival prestiġjuż li jiżvolgi f’Salk Lake City fl-Istati Uniti, li jispeċjaliżża fil-wiri ta’ films indipendenti mhux maħduma minn kumpaniji kbar. Il-film “Luzzu” maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Alex Camilleri ma kienx sempliċi parteċipant imma ġab ukoll unur għal Jesmark Scicluna. Dan l-attur rebaħ World Cinema Dramatic Special Jury Award for Acting.
Is-Senior Programmer tal-Festival, John Nein, iddeskriva l-film “Luzzu” bħala wieħed li ‘neorealistiku’ li “l-għeruq tiegħu huma kompletament fis-soċjetà kontemporanja”. Ma naħsibx li nista’ niddeskrivi aħjar il-film “Luzzu”.
Ir-realiżmu joħroġ mill-fatt li Alex Camilleri għażel lis-sajjied Jesmark Scicluna biex jinterprita l-parti prinċipali. Anke fil-film jismu Jesmark. Huwa sajjied li beda familja, li jrid ta’ kuljum joħroġ bil-luzzu bejn sema u ilma biex jaqbad il-ħut u jaqla’ x’jiekol il-ħobża ta’ kuljum. Il-ħajja ma tantx hi ħanina miegħu. Il-qabda tal-ħut għal min hu b’luzzu tradizzjonali qegħda tinxef. L-opra tal-baħar qed tagħmel l-ilma; it-tarbija Aidan mhix tikber kif suppost filwaqt li tiġri minn id għall-oħra biex martu Denise (Michela Farrugia) toħroġ taħdem. Ir-relazzjoni mal-kunjata mhix waħda tajba.
L-għafsa fuq il-but iġiegħel lil Jesmark jibda jħares bnadi oħra, anke għall-ħidma mhix legali imma li tħallilu ntrojtu ferm akbar.
In-narrattiva toħroġ ħafna punti tematiċi apparti din id-dilemma: kif is-sajd tradizzjonali qed ikun vittma tal-modernizzazzjoni; l-effetti tal-klima fuq is-sajd; id-deċiżjonijiet kultant pjuttost strambi li joħorġu mill-Unjoni Ewropea fejn il-pajjiżi żgħar bħal Malta huma żvantaġjati għalkemm fid-deher jidhru li ser jiggwadanjaw. Skont il-film, f’Malta hawn skema mħaddma bi flus tal-Unjoni Ewropea li jagħtuk il-flus biex teqred il-luzzu! Ħasra għall-sajjied bħal Jesmark li jara l-qerda tal-opra tal-baħar li għajjex lill-missieru u lil nannuh.
Għalkemm Jesmark Scicluna mhux attur professjonali, huwa juri ħila mpressjonanti kif jikkomunika bla kliem volumi sħaħ, fosthom in-niket li din is-sitwazzjoni qegħda ġġib. Hemm mumenti ta’ dieqa li jamplifikaw dan: waħda minhom hi meta jaqbdu pixxispad u sieħbu jinsisti li minkejja li hu mejjet, iridu jerġgħu jarmuh il-baħar għax mhux żmien li tistad għalih. Hu mument ta’ turment psikoloġiku u filosofiku għal dan is-sajjied.
“Luzzu” (Pellikola: 12) inħadem bis-sehem tal-Malta Film Fund. Id-direttur Alex Camilleri qed jurina li għandu dawk il-kwalitajiet li jista’ jkompli javvanza f’din l-industrija. Irrid insellem ukoll lil Oliver Mallia, Rebecca Anastasi u Ramin Bahrani li flimkien ma’ Alex Camilleri ipproduċew dan il-film.
“Luzzu” hu wieħed mill-films short-listed għall-European Film Awards ta’ din is-sena.