Thursday, April 25, 2024

Lydia Abela b’messaġġ ta’ tama u apprezzament għal dak kollu li għandna nkunu grati għalih

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Nemmen li għandna napprezzaw aktar dak li għandna, napprezzaw aħna kif aħna,  napprezzaw li aħna b’saħħitna u napprezzaw lill-familja u n-nies ta’ madwarna u nkunu kuntenti b’dak li għandna iżda mhux biss imma naraw li anke ta’ madwarna jkunu kuntenti għax meta aħna ma nħarsux biss lejn dak li jinteressa lilna imma anke lejn dak li jinteressa lil ħaddiehor, nemmen li ġo fina jkollna iktar kuntentizza.”

Hekk esprimiet mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela f’intervista li għamlet fuq ‘One Breakfast’ fejn fiha qasmet il-ħsibijiet tagħha dwar il-ħidma li sawwret is-sena 2021.

Qalet li kienu sentejn partikolari, impenjattivi u ta’ responsabbiltà għal żewġha li fisser ħin limitat flmkien, pero tistqarr li matul dawn l-aħħar sentejn tgħallmu anke kif iqassmu l-ħin disponibbli għalihom. B’dan il-mod qalet li l-ħin flimkien saru japprezzawh aktar, b’mod speċjali tapprezza l-fatt li minkejja l-impenji li jkollu ta’ kuljum, żewġha dejjem baqa’ jsib ħin għall-familja.

Tkellmet ukoll dwar il-fatt li meta tiltaqa’ ma’ persuni differenti tinduna kif kull persuna għandha l-ħajja u l-problemi tagħha. Qalet li l-pjaga tal-vjolenza domestika hija waħda li laqtitha ferm u ħasset li għandha tqajjem iktar kuxjenza dwarha għaliex hija pjaga li tolqot mhux biss lill-vittmi iżda sfortunatament anke lit-tfal. Qalet li meta persuna tkun għaddejja minn vjolenza domestika, il-familja u s-soċjetà kollha tkun qed tbati. Żiedet tgħid li huwa importanti li bħala pajjiż inqajmu aktar kuxjenza fuq din il-problema soċjali biex kemm jista’ jkun din tiġi eliminata. “Jekk persuna tħobbok u tirrispettak, m’għandha qatt tgħolli idejha fuqek, mhux biss b’mod fiżiku, imma anke b’mod verbali. Dan iħalli marka b’mod psikoloġiku fuq il-persuna. Nemmen li l-vjolenza domestika għandna nkomplu niġġielduha bħala pajjiż sħiħ,” qalet Dr Abela.

Waqt l-intervista hija tkellmet ukoll fuq l-irwol tagħha bħala President tal-Ispecial Olympics Malta u dwar il-fatt li s-sena d-dieħla pajjiżna se jkollu l-unur li jospita l-logħob tal-pajjiżi għall-persuni b’diżabilità. Dr Abela qalet li tinsab tassew ħerqana għal dan l-avveniment u qalet li temmen li din se tkun opportunità biex pajjiżna juri kemm huwa inklussiv u kemm bħala pajjiż nemmnu fl-isport. 

Dwar l-inizjattiva ‘Smiles with Miles’ Dr Abela qalet li din hija għal qalbha ħafna  u li hija xi ħaġa pożittiva li ħarġet matul il-pandemija tal-Covid-19. Qalet li temmen li kulħadd għandu jagħmel xi tip ta’ attività fiżika kuljum għax din tgħin biex dak li jkun iżomm ruħu b’saħħtu kemm fiżikament kif ukoll mentalment. “Nafu li l-Covid-19 żiedet il-problemi ta’ saħħa mentali u allura ħassejt li b’din l-inizjattiva stajna nqajmu iktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali speċjalment fost iż-żgħażagħ. Sfortunatament għad hemm żgħażagħ li meta jgħaddu minn dan il-perjodu ma jkunux jafu x’se jagħmlu u huwa importanti li noffru gwida u ngħinuhom jgħaddu minn dan il-perjodu,” qalet Dr Abela.

Hija temmet tgħid: “Minkejja l-isfida li għaddejna minnha, mhux aħna biss imma b’mod globali, pajjiżna spikka bħala wieħed ottimist u b’nies li għandhom perseveranza li tispikka fihom. Meta nħares lejn dawn l-aħħar sentejn napprezza l-fatt li għaddejna minnhom b’mod tajjeb ħafna u nħares lejn in-numru ta’ inċentivi li offra l-gvern Malti matul dan iż-żmien. Kienu dawn il-miżuri li komplew jgħinu lill-ekonomija Maltija. Grazzi għall-perseveranza tal-Maltin u għall-fatt li bqajna ottimisti xorta waħda, minkejja ż-żmien diffiċli, pajjiżna rreġistra tnaqqis fil-persuni li jirreġistraw għax-xogħol.”

Sport