Il-vjaġġ mużikali ta’ Lyndsay Pace se jkompli lil hinn minn xtutna hekk kif l-artista Maltija se tkun qed tieħu l-kanzunetta tagħha “Fireproof” lejn il-Bulgarija fejn se tipparteċipa fil-Sofia Grand Prix Festival bejn il-25 u s-27 ta’ Settembru 2026.
Wara li “Fireproof” kienet parti mill-vjaġġ tagħha fil-Malta Eurovision Song Contest 2024, il-kanzunetta issa se tingħata ħajja ġdida fuq palk internazzjonali quddiem udjenza li se jkollha l-opportunità tiskopri aktar mit-talent Malti.
Għal Lyndsay, din il-parteċipazzjoni mhijiex biss avventura mużikali oħra iżda wkoll ċans biex tkompli tippromwovi lil Malta permezz tal-arti u l-mużika tagħha.
“Li jkolli ċ-ċans li nieħu l-mużika tiegħi barra minn Malta u nirrappreżenta lil pajjiżi hija xi ħaġa li tagħmilni kburija ħafna,” tgħid Lyndsay. “Ninsab ferm eċċitata li se nkun gewwa Sofia u li se nkun qed naqsam “Fireproof” ma’ udjenza internazzjonali. Għalija, kull darba li nkun fuq palk barra minn pajjiżna, inħoss li qed inġorr miegħi parti minn Malta.”
Il-preżenza ta’ Lyndsay gewwa Sofia tiġi fi żmien partikolarment pożittiv għall-artista. Matul din is-sena, “Fireproof” kisbet suċċess internazzjonali meta rebħet il-premju ta’ Best Europop Song fl-InterContinental Music Awards 2026 f’Los Angeles.
Dan ir-rikonoxximent kompla jsaħħaħ il-vjaġġ ta’ “Fireproof” u ta lil Lyndsay aktar motivazzjoni biex tkompli twassal il-mużika tagħha lil udjenzi ġodda.
Bil-personalità enerġetika tagħha u l-passjoni għall-palk, Lyndsay issa tinsab lesta għal esperjenza ġdida fil-Bulgarija fejn se tkun qed tgħolli l-bandiera Maltija u tagħti l-aħjar prestazzjoni tagħha.
Minn Malta għal Sofia, “Fireproof” tkompli l-vjaġġ tagħha u Lyndsay tinsab lesta biex tħalli l-marka tagħha fuq palk internazzjonali.

