Kollox lest għall-kunċert spettakolari minn I Pooh għall-ewwel darba f’pajjiżna

Aqra wkoll

Il-membri tal-grupp leġġendarju Taljan I Pooh waslu f’Malta għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, hekk kif is-Sibt se jagħtu kunċert speċjali fl-MFCC f’Ta’ Qali, bħala parti mit-tour “La Nostra Storia”, li qed jiċċelebra sittin sena ta’ storja mużikali.

Il-kunċert, organizzat minn K Music Events b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta, Rock ‘N Malta, il-Kunsill Malti għall-Arti u Visit Malta, huwa parti minn Rock 4 Hope 2026 u se jsir b’risq il-Fondazzjoni Inspire. Għall-avveniment huma mistennija aktar minn 2,000 persuna.

Il-grupp Taljan għandu warajh karriera straordinarja li matulha ta madwar 3,300 kunċert u akkumpanja ġenerazzjonijiet sħaħ bil-mużika tiegħu. Kanzunetti bħal “Tanta voglia di lei”, “Pensiero”, “Piccola Katy”, “Chi fermerà la musica” u “Uomini soli” saru parti mill-istorja tal-mużika Taljana u baqgħu popolari anke ma’ ġenerazzjonijiet iżgħar.

Għalkemm il-band ilha sittin sena fuq quddiem fix-xena mużikali, qatt qabel ma kienet għamlet kunċert f’Malta. Għalhekk, l-avveniment tas-Sibt se jkun wieħed partikolari kemm għall-band kif ukoll għall-ammiraturi Maltin tagħha.

Il-Ġimgħa filgħodu, Roby Facchinetti, Dodi Battaglia, Red Canzian u Riccardo Fogli indirizzaw lill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ta’ Qali, lejlet l-ewwel kunċert tagħhom f’pajjiżna.

Facchinetti qal li l-membri tal-grupp jinsabu kuntenti ħafna li jinsabu f’Malta u li jħossuhom kważi qishom qegħdin f’darhom.

“Ninsabu kuntenti ħafna u fost l-oħrajn jiġi fi tmiemu t-tour tagħna tas-sajf proprju hawnhekk. Inħossuna f’darna għax il-biċċa l-kbira tal-Maltin jitkellmu bit-Taljan u allura kuntenti d-doppju anki minħabba dan,” qal Roby Facchinetti.

Il-kuntatt bejn il-poplu Malti u l-kultura Taljana permezz tal-lingwa kien wieħed mill-punti li l-band semmiet waqt il-konferenza. Il-mużika ta’ Pooh ilha għal għexieren ta’ snin tilħaq lill-Maltin, b’ħafna ammiraturi jassoċjaw il-kanzunetti tagħhom ma’ memorji personali u stadji differenti ta’ ħajjithom.

Għal Dodi Battaglia, l-ambjent Malti wkoll jagħmel din iż-żjara waħda speċjali.

“Ninsab kuntent ħafna għax hawnhekk hawn ambjent sabiħ, simili għal dak li ġġib magħha l-mużika Taljana. Ninsab konvint li se jkun kunċert sabiħ ħafna li se jfakkar 60 sena ta’ storja,” qal Battaglia.

Il-kunċert f’Malta għalhekk mhux biss se jkun waqfa oħra fit-tour internazzjonali tal-band, iżda wkoll mument li jfakkar vjaġġ twil ta’ sitt deċennji.

Red Canzian tkellem dwar dak li hu forsi wieħed mill-aktar aspetti straordinarji fl-istorja ta’ Pooh: il-fatt li erba’ mużiċisti rnexxielhom jibqgħu marbutin ma’ xulxin għal tant snin.

“Li ssib erba’ ġuvintur li kellhom kemm kemm aktar minn 20 sena u jiltaqgħu u jgħixu flimkien għal 60 sena dik hi ħolma. Qatt ma kien hemm tradimenti. Qatt ma tbegħidna, dejjem bqajna katina ma’ xulxin” qal Canzian.

Il-kliem tiegħu jirrifletti l-istorja twila ta’ band li għaddiet minn diversi perjodi, bidliet u sfidi matul is-sittin sena tagħha. Minkejja dawn il-bidliet, il-mużika ta’ Pooh kompliet iżżomm post importanti fil-kultura popolari Taljana.

Riccardo Fogli, min-naħa tiegħu, għandu rabta partikolari ma’ Malta, peress li żar il-gżejjer diversi drabi matul is-snin.

Fogli qal li għandu diversi ħbieb Maltin u li l-mużika ta’ Pooh, kif ukoll il-kanzunetti tiegħu bħala artist solista, għenet lil ħafna minnhom itejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwa Taljana.

“Għandi ħafna ħbieb Maltin li tejbu t-Taljan tagħhom permezz tal-kanzunetti ta’ I Pooh u d-diski tiegħi. Ta’ dan aħna ninsabu grati ħafna,” qal Fogli.

Huwa kompla billi enfasizza r-rabta li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Naħseb li l-Maltin u t-Taljani nistgħu nqisu ruħna bħala aħwa. Aħna niġu għall-vaganzi f’Malta. Intom tagħmlu l-btajjel tagħkom fl-Italja. Se jkun bla dubju kunċert b’ħafna emozzjonijiet u sabiħ ħafna. Li nkun hawn ma’ ħuti, għalija, hu rigal mibgħut mis-sema,” qal Fogli.

Il-kunċert ta’ I Pooh se jġib fi tmiemu t-tour tas-sajf ta’ dan il-grupp leġġendarju u huwa mistenni li jkun spettaklu fuq skala kbira, b’produzzjoni li tirrifletti l-importanza ta’ sittin sena ta’ attività mużikali.

Minbarra l-mużika, l-avveniment għandu wkoll għan ta’ solidarjetà, hekk kif id-dħul se jkun marbut mal-Fondazzjoni Inspire. Għal K Music Events, dan huwa d-disa’ kunċert li qed jorganizza b’risq Inspire.

Waqt il-konferenza, Louis Attard Zammit minn K Music Events spjega li l-organizzazzjoni ta’ kunċert ta’ dan il-kobor tirrikjedi xhur ta’ preparazzjoni u kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet.

“Dan ilu għaddej ħafna żmien ta’ preparamenti, naħseb ilna aktar minn disa’ xhur issa.

Bdejna billi applikajna għal fondi permezz ta’ entitajiet varji tal-Gvern. Irnexxielna nieħdu l-fondi mir-Rock ‘N Malta bit-titlu Rock 4 Hope,” spjega Attard Zammit.

Huwa qal li l-għan tal-proġett huwa li l-pubbliku jgawdi spettaklu ta’ kwalità filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxi għal kawża importanti.

“Rock 4 Hope għal raġuni waħda: li aħna n-nies ħa jiġu jieħdu pjaċir hawnhekk u bit-tama li jgħinu lill-Inspire,” kompla jgħid.

Għalhekk, Rock 4 Hope 2026 jgħaqqad flimkien il-mużika, id-divertiment u s-solidarjetà, b’I Pooh bħala l-attrazzjoni ewlenija tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

Il-grupp, li beda il-vjaġġ tiegħu fis-sittinijiet u li matul is-snin għadda minn diversi formazzjonijiet u bidliet, għadu sal-lum sinonimu ma’ kanzunetti li baqgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. L-istorja tiegħu jinkludi suċċessi kbar fil-klassifiċi Taljani, kunċerti f’postijiet prestiġjużi u diversi tours li ġabru flimkien mijiet ta’ eluf ta’ ammiraturi.

Il-grupp twaqqaf f’Bologna u beda l-karriera tiegħu fl-1966. Roby Facchinetti ngħaqad mal-grupp fl-istess sena, filwaqt li Dodi Battaglia daħal fl-1968. Riccardo Fogli kien ukoll parti mill-istorja tal-band fis-snin bikrin, filwaqt li Red Canzian ingħaqad fl-1973. Il-formazzjoni għaddiet minn diversi stadji matul is-snin, iżda l-identità mużikali ta’ Pooh baqgħet waħda mill-aktar magħrufa fl-Italja.

Wara diversi snin ta’ attività, il-band kienet ħabbret l-aħħar kunċert tagħha fl-2016, iżda sussegwentement reġgħet ingħaqdet għal okkażjonijiet speċjali. Fl-2023, il-membri li għadhom ħajjin reġgħu ngħaqdu biex jiċċelebraw il-55 anniversarju tal-grupp.

Issa, fl-2026, Pooh qed jiċċelebraw is-60 anniversarju tagħhom b’tour li wasal ukoll f’Malta.

Il-pubbliku Malti għalhekk se jkollu l-opportunità li jara lill-band leġġendarja Taljana live fl-MFCC f’Ta’ Qali, f’kunċert li mhux biss se jfakkar sittin sena ta’ mużika, iżda wkoll se jimmarka l-ewwel darba li I Pooh se jtellgħu spettaklu f’pajjiżna.

Għal dawk li trabbew bil-kanzunetti tagħhom, se tkun okkażjoni biex jerġgħu jgħixu memorji marbuta ma’ waħda mill-aktar bands importanti fl-istorja tal-mużika Taljana.

Għall-ġenerazzjonijiet iżgħar, se tkun opportunità biex jaraw live grupp li l-mużika tiegħu baqgħet tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport