Sunday, November 24, 2024

L‑isqfijiet idaħħlu mill-ġdid l-obbligu tal-quddiesa tal-Ħadd

Aqra wkoll

L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex formalment daħħlu mill-ġdid l‑obbligu għall‑Insara biex jattendu l‑Quddiesa tal‑Ħadd wara li temmew id‑dispensa li ngħatat minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19.

F’messaġġ pastorali li se jinqara fil‑knejjes kollha fi tmiem il‑ġimgħa, hekk kif il-Knisja tfakkar il-Festa Solenni tal‑Ewkaristija Mqaddsa, l‑Isqfijiet qalu li l‑istruzzjoni l‑ġdida meħtieġa mil‑Liġi Kanonika, tidħol fis‑seħħ mill-Ħadd 18 ta’ Ġunju 2023 u tapplika għal dawk kollha li fiżikament jistgħu jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni tal‑quddiesa.

“Nafu li hemm persuni li għalihom mhux possibbli, għal raġuni valida, li jattendu għall‑quddies. Nistiednu lil dawn il‑persuni biex nhar ta’ Ħadd jagħmlu ħilithom biex jinġabru fit‑talb lil Alla.  Il‑quddiesa trasmessa fuq il‑mezzi tax‑xandir u l‑mezzi l‑oħra ta’ komunikazzjoni soċjali hi ta’ għajnuna kbira għal min ma jistax imur il‑Knisja. Dawk li jistgħu jmorru l‑Knisja għandhom jagħmlu hekk huma u jilqgħu l‑istedina tal‑Mulej: ‘Hienja dawk li huma mistiedna għall‑mejda tat‑tieġ tal‑ħaruf’.”

Bi kwotazzjonijiet estensivi mill‑katekeżi profonda tal‑Papa Franġisku fl‑2017, il‑messaġġ pastorali jgħid:

“Għaliex għandna mmorru l‑quddiesa l‑Ħadd? Mhux biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal‑Knisja; dan jgħinna nżommu sħiħ il‑valur tagħha, imma waħdu mhux biżżejjed. Aħna l‑Insara għandna bżonn li nieħdu sehem fil‑Quddiesa tal‑Ħadd għax hu biss bil‑grazzja ta’ Ġesù, bil‑preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu nqiegħdu fil‑prattika l‑kmandament tiegħu, u hekk insiru xhieda kredibbli tiegħu…

“Il‑laqgħa mal‑Mulej f’jum il‑Ħadd tagħtina l‑qawwa li ngħixu l‑ġurnata b’fiduċja u kuraġġ u biex nibqgħu mexjin bit‑tama f’qalbna. Għalhekk aħna l‑Insara mmorru niltaqgħu mal‑Mulej nhar ta’ Ħadd, fiċ‑ċelebrazzjoni Ewkaristika.”

L‑Isqfijiet qalu: “Jalla ċ‑ċelebrazzjoni tal‑quddiesa tal‑Ħadd fil‑parroċċi u l‑knejjes tagħna tkun laqgħa sabiħa ma’ Alla u bejnietna li tagħtina r‑ruħ u ġġeddidna għall‑ħajja tal‑imħabba Nisranija.  Niftakru dejjem fit‑talb għażiż li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla’, ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.”

Sport