Monday, November 11, 2024

“Ma ġiet introdotta l-ebda miżata, anzi inċentivajna lil min jagħżel li jħallas b’debitu dirett”

Il-kumpanija GO tiċċara dwar il-bżonn li l-klijenti jagħrfu l-benefiċċji ta’ dan il-metodu ta’ ħlas

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, it-tliet kumpaniji tat-telekomunikazzjoni ta’ pajjiżna; GO, EPIC u MELITA bdew jinkludu tariffa minima għal dawk il-klijenti li jagħżlu li ma jħallsux il-kont b’debitu dirett. Wara numru ta’ lmenti, Il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli talbet lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur biex jinvestiga jekk din iż-żieda tiksirx il-liġi tal-kompetizzjoni.

Fl-aħħar sigħat il-Ministru ħabbret li l-kumpaniji GO u EPIC kienu ddeċidew li sakemm titlesta l-investigazzjoni li beda l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni, se jerġgħu jnaqqsu l-prezzijiet għal kif kienu qabel. Mhux biss, GO se tati rifużjoni lura lil dawk il-klijenti li esperjenzaw żieda matul ix-xahar li għadda.

F’kummenti lil talk.mt, kelliema għall-kumpanija GO spjegat li għalkemm dehret li l-kumpanija introduċiet xi miżata ġdida minn Lulju, dan ma kienx il-każ. Spjegatilna li fil-kontijiet ta’ qabel Lulju 2022, il-GO kienet tiċċargja €1 lil dawk il-klijenti li ma jħallsux bid-debitu dirett. Din il-miżata kienet tkopri spejjeż amministrattivi u kienet approvata mill-Awtoritajiet ikkoncernati mill-2019.  “Barra minn hekk, ħlas bid-debitu dirett huwa mod faċli u ta’ serħan il-moħħ għall-klijent, kif ukoll mod li jiffranka użu eċċessiv ta’ karta, proċessar u riżorsi oħra”, kompliet tispjega magħna din ir-rappreżentanta.

Li ġara hu li minħabba d-direttiva tal-PSD2; dan il-mekkaniżmu kien imur kontra il-prassi ta’ kif wieħed għandu jinċentiva ħlas ta’ dan it-tip. Ghaldaqstant, biex il-kumpanija tkun konformi mal-ligi, biddlet il-mekkaniżmu biex b’hekk tkun tista tinċentiva lill-klijenti biex iħallsu b’dan il-mod.

Mitluba telenka x’bidliet saru, ir-rappreżentanta ta’ Go qalitilna li fil-prattika kulma seħħ kienet bidla fil-mod kif ġie preżentat dan l-inċentiv fil-kont finali.

Il-bidliet kienu dawn;

  1. Il-Go għolliet dawk it-tariffi ewlenin li qabel kellhom dan il-mekkaniżmu  b’€1; liema miżata ġiet mraħħsa kollha fuq kull tariffa f’każ li klijent iħallas bid-debitu dirett. Għaldaqstant il-prezz finali baqa’ l-istess.
  2. Li ġara huwa illi min għazel li ma jħallasx bid-debitu dirett u kellu iktar minn tariffa waħda fil-kont, liema porzjon ta’ klijenti huwa ftit, spiċċaw weħlu €1 iktar minn qabel, mit tieni tariffa ’l fuq. Dan ifisser illi filwaqt illi dawk il-klijenti kienu jeħlu €1  qabel, issa weħlu €1 ieħor mit-tieni tariffa ’l fuq.
  3. Għaldaqstant Go ħadet miżuri biex dan ma jibqax iseħħ u għalkemm il-klijent jibqa’ jagħzel li ma jħallasx bid-debitu dirett, xorta se tagħti skont ta’ €1 għal kull tariffa fl-istess kont minbarra waħda.  B’hekk il-klijent jibqa’ ma jiġix affettwat min kif kien qabel. Dan se jibda mill-kontijiet ta’ Awissu ’l quddiem.
  4. Il-kumpanija ma waqfitx hemm, u saħansitra kkalkulat rifużjoni lil kull min kellu iktar minn tariffa waħda u rċieva kont f’Lulju li ghaldaqstant ma kellux skont kif spjegat hawn fuq. F’dawn il-każi, GO se trodd lura €1 għal kull tariffa minbarra waħda, lil dawk li ma jħallsux bid-debitu dirett.
  5. Ta’ min jiċċara li kull min iħallas bid-debitu dirett ikollu skont għal kull tariffa li hija soġġetta għal dan it-tip ta’ ħlas, biex b’hekk iż-żieda ta’ €1 tiġi newtralizzata bis-sħiħ.

Dan is-sit staqsa lir-rappreżentanta ta’ GO dwar kemm hu importanti li s-soċjetà tkompli tiżviluppa l-għarfien tagħha dwar servizzi avvanzati biex dawn is-sitwazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu evitati. Hija spjegatilna li bl-introduzzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas iktar faċli fid-dinja diġitali, is-soċjetà diġà mxiet ’il quddiem u l-maġġoranza tal-klijent jagħżlu li jużaw dawn il-metodi. Kompliet biex iżżid li dawn il-metodi ta’ ħlas huma komuni ma’ ħlasijiet ta’ servizzi li għandhom kera fix-xahar. Għamlitha ċara li ħlas b’dan il-metodu xorta jagħti lok li l-klijent iwaqqaf il-ħlas jekk ma jkunx jaqbel mal-kont li jkun irċieva.

“Il-klijent ikollu moħħu mistrieħ illi l-pagament tas-servizz li qed jieħu jitħallas fil-ħin, ma jkunx hemm spejjeż żejda ta’ proċessar, u jiġi frankat kull inkonvenjent f’każ li wieħed ma jħallasx fil-ħin. Ta’ min jgħid ukoll illi bħala kumpanija lanqas għadna nistgħu naċċettaw ħlas b’ċekk ta’ inqas min €20 ewro, peress li l-banek ukoll għarfu li l-proċessar, u karti żejda jwasslu għal spejjeż addizzjonali bla bżonn”, spjegat tgħid ir-rappreżentanta ma’ dan is-sit.

Dawk li ma jafux?

Minkejja dan kollu, jibqa’ l-fatt li għandek dik il-faxxa ta’ persuni li huma l-aktar avvanzati fl-età li jsibuha diffiċli għall-aħħar li jifhmu dawn il-metodi ta’ ħlas. Staqsejna lill-kumpanija dwar x’se tkun qiegħda tagħmel biex isserħilhom rashom li se tibqa’ tagħmel mezz biex dawn jibqgħu jaċċessaw is-servizzi tagħha.

Din ir-rappreżentanta qalitilna li l-kumpanija tagħraf li għandha klijenti avvanzati fl-età u li se tibqa’ tagħmel minn kollox biex toffrilhom l-aħjar servizzi bl-inqas inkonvenjent possibbli. Minkejja dan hija kkonfermat li hemm ħafna minn dawn il-klijenti li staqsew u infurmaw ruħhom dwar dan il-metodu ta’ ħlas. Madanakollu, hija nnutat li l-mezzi kollha ta’ ħlas se jibqgħu disponibbli għal min irid, fosthom ħlas fil-hwienet ta’ Go, mill-Maltapost, Online u b’ċekk bil-posta (f’każi fejn il-kont ikun iktar min €20).

Il-klijenti qegħdin jifhmu l-vantaġġi

Madankollu, il-kumpanija tixtieq illi klijenti avvanzati fl-eta jifhmu l-vantaġġi ta’ ħlas b’debitu dirett u li b’dan il-metodu jnaqqsu l-inkonvenjent, li kull xahar joqogħdu jinqalaw biex iħallsu l-kontijiet. “Nemmnu li meta persuna tagħżel li tmur tħallas hi l-kont huwa aktar ta’ inkonvenjent milli ta’ serħan il-moħħ. Illum kulħadd għandu kont bankarju, u għaldaqstant jekk klijent avvazat fl-età jew le, jixtieq jagħmel il-ħlas tiegħu b’dan il-metodu, hemm diversi għażliet kif wieħed jista’ jagħmel dan. F’każ li ma jkunx jista’ jirnexxielu jagħmel dan b’mod diġitali, il-klijent għandu l-faċilità li jżur wieħed mill-ħwienet tagħna.Ta’ min ngħid ukoll li dawk is-servizzi illi għadom jintużaw minn klijenti avvanzati fl-età, bħat-telefonija fissa waħedha, mhumiex affetwati b’din il-miżura u jistgħu jagħżlu li jħallsu kif iridu mingħajr inċentivi”, spjegat ir-rappreżentanta filwaqt li temmet tgħidilna li finalment il-kumpanija temmen li l-kljenti qed jagħrfu l-kumdità ta’ ħlas b’debitu dirett u li l-maġġoranza qed jagħżlu dan il-metodu bħala l-mezz ewlieni tal-ħlas.

Sport