Tuesday, April 23, 2024

L-EVOLUZZJONI FIT-TREJDUNJONIŻMU

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union lura fiż-żmien kienet meqjusa bħala union militanti, li jekk ma tgħaddix tagħha tinżel fit-toroq tipprotesta. Spiss kienet tingħata tmaqdir u kliem dispreġjattiv, imqabbla ma’ union li tieħdok lura fi żmien id-dinosawri, union b’ideat u soluzzjonijiet antikwati, uniono maqtugħa mir-realta, li qatt ma aġġornat il-politika tagħha.

Iż-żmien jgħaddi, l-ideat jinbidlu u dak li kien jgħodd għal ċerti snin ma jibqax jgħodd illum il-ġurnata. Kull organizzazzjoni tgħaddi minn evoluzzjoni, u jekk ma tagħmilx hekk tiġi irrelevanti. Il-politika u l-istrutturi tagħha jiġu aġġornati skont iż-żmien iżda l-prinċipji u l-valuri jibqgħu l-istess.

Ir-relazzjonijiet industrijali f’Malta wkoll inbidlu.

Fejn qabel il-pern ta’ kollox kien il-konfrontazzjoni, illum il-ġurnata dan inbidel għal kollaborazzjoni bejn it-trade unions, il-ħaddiema u min iħaddem. Konflitti jibqa’ jkun hemm iżda l-wasla għas-soluzzjonijiet saret differenti. L-istatistika turi li dan kollu qed iwassal għal riżultati aħjar. Fuq kollox il-ħaddiem irid li jkun kuntent fuq il-post tax-xogħol jaħdem f’ambjent paċifiku, bi ħlas xieraq u ġust, mingħajr inkwiet bla bżonn.

L-iżball qiegħed li min kien jippriedka li l-organizzazzjoni tal-GWU kellha tinbidel għax kienet antikwata u bżonn taġġorna l-politika tagħha, meta din inbidlet u aġġornat ruħha, xorta waħda ġiet akkużata mod ieħor. Li mhijiex tieħu l-passi meħtieġa. Li mhijiex tinsel fit-toroq tipprotesta. Min jagħmel dawn l-akkużi forsi anke hu għandu jaġġorna l-politika tiegħu???

Il-kredibilita tal-GWU toħroġ mill-konsistenza u l-kompetenza tagħha, li tibni fuq il-passat tagħha u ttejjeb il-futur ta’ eluf ta’ membri u ħaddiema.

Għalhekk djalogu soċjali b’saħħtu huwa dak fejn il-partijiet jiltaqgħu u jiddiskutu biex isibu l-aħjar soluzzjonijiet. Madankollu jekk il-GWU tiġi ffaċċjata b’sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ li tordna strajk jew saħansitra protesta, dan isir jekk ikun hemm il-ħtieġa u ma jkunx hemm triq oħra minħabba li l-parti l-oħra ma tkunx trid tisma’ jew tifhem.

Kritika kostruttiva hija tajba u essenzjali biex taġġorna l-politika u l-istrutturi tiegħek. Iżda kull min jikkritika għandu jara li jkun konsistenti f’li jkun qed jgħid.

Sport