Sunday, April 19, 2026

Dakkir politiku

Tikteb Lorna Borg Vassallo

Aqra wkoll

Jidher li l-għeruq tar-rabta tal-lewn aħmar fil-politika jeħduna lura lejn żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża (1789) u dik tal-1848 u f’kull waqt il-lewn aħmar ispira ruħu miċ-ċarċir tad-demm ta’ dawk li ġġieldu l-monarkija jew iktar tard, il-ġlieda kontra l-kapitaliżmu fir-Russja.

Għalkemm, fil-verità, l-idea tal-lewn aħmar hija wkoll idea Kristjana ferm marbuta mad-demm ta’ Kristu li feda d-dinja bil-martirju tiegħu fuq is-salib. Il-lewn ikħal fil-politika, mill-banda l-oħra, jidher li beda jiġi assoċjat bil-kbir mal-ideoloġiji leminin minn żmien it-‘Tories’ tar-Renju Unit li jmorru lura għall-aħħar tas-sbatax-il seklu.

Fid-dinja kollha, għajr fl-Istati Uniti, għalhekk illum l-aħmar jirrappreżenta x-xellug filwaqt li l-ikħal jirrappreżenta l-lemin.Iżda l-ispettru u l-ilwien politiċi daqskemm huma reġjonali, kontinentali u globali, daqstant ieħor jinbtu mill-istorja u kultura tat-territorju li jimirħu fih. U l-ideoloġija politika li ssawret mill-ħamrija jew battalja Taljana, Russa, Ġermaniża, Pollakka jew Franċiża mhix dejjem l-istess bħal dik Maltija.

L-isfumaturi u d-dellijiet tal-istess ilwien jistgħu jvarjaw daqs il-kulur tal-ilmijiet jekk mhux tal-istess dmija.U għalkemm f’fora kbar fosthom fil-Parlament Ewropew il-laburisti, progressivi, soċjalisti Maltin ipoġġu biswit is-soċjal-demokratiċi jew soċjalisti ta’ pajjiżi oħra, u l-istess jiġri fil-każ tan-nazzjonalisti Maltin, l-ideoloġiji jistgħu jvarjaw bis-sħiħ.Għaliex il-politika hija wkoll lingwa, storja, esperjenza u kultura.

Bħalma l-kelma hija storja, esperjenza u kultura. Il-kelma ‘dar’ għal xi ħadd Malta tista’ tfisser dar f’nofs triq b’sittin dar. Għall-Franċiż tal-Alpi tfisser dar tal-injam kilometri bogħod mid-dar li jmiss u għall-Afrikan tista’ tfisser għarix mingħajr sodda. U l-istess il-politika.U t-triomf ta’ ideoloġija politika mhuwiex rebħa elettorali imma d-dakkir tal-ideoloġija fuq oħra u l-formazzjoni tat-tessut lokali.

Kull aħmar fih blù u kull blù fih aħmar kullimkien. U huma proprju d-doża tal-aħmar u l-blù li jiddeterminaw is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiż. Meta wieħed iqabbel kif żviluppa s-soċjaliżmu f’Malta ma’ band’ oħra wieħed isib illi lokalment id-doża ta’ aħmar fl-ikħal hija dominanti. Filwaqt li l-partiti politiċi tagħna jiġġieldu normalment min se jnaqqas l-aktar taxxa, partiti politiċi barranin jiġġieldu dwar liema taxxa għandha tiddaħħal. Filwaqt li l-partiti Maltin jikkompetu bejniethom min ser joħloq l-aqwa mudell ta’ servizzi soċjali lil familji li għandhom bżonn sostenn, partiti barranin jiddibattu kif ser jintroduċu assikurazzjonijiet privati ġodda u miżuri ta’ awsterità.

Donnha li fuq il-parlament Malti xi darba nfirxet żiffa ħamranija li dakkret lill-ikħal u li niżlet fil-fond. Din l-għata ħamranija, fis-skiet, tgħix u tirgħa, tfewwaħ u tożhor filwaqt li tispira klassi tan-nofs soda b’saħħitha. L-ewwel bidwi kulħadd jaf min kien, warajh ġew it-tieni u t-tielet. Sta għalina li naraw li nagħżlu għal darb’oħra l-bidwi ġdid li jżommha għaddejja b’imħabba, b’dedikazzjoni. Li l-lemin tagħna jibqa’ xellugi u li l-isfumatura tkompli. Għaliex fin-natura l-ġmiel tal-ilwien mhuwiex lewn wieħed stabbli imma dak li jkanġi, jiddi, jgħammex, jirrifletti u jilgħab mas-sensi. Hija din is-sbuħija tal-politika Maltija. Li aħna wkoll niffurmaw parti mit-tiżwiqa tagħha. L-aħmar fl-ikħal, l-ikħal fl-aħmar. Id-dakra u l-predominanza.

Ir-raġel fil-mara u l-mara fir-raġel. Fis-skiet tagħha din id-dakra li ftit li xejn nagħtu kasha hija wkoll parti mill-kultura, storja tagħna. U ssarrfet fis-suċċess ekonomiku tagħna. Naraw li ma nitilfuhiex.

Lorna Borġ Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport