Monday, May 25, 2026

EuroHockey Challenge: Qormi Daikin jwettqu rimonta, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks itemmu fit-tielet post

Aqra wkoll

Qormi Daikin komplew juru mentalità qawwija fil-EuroHockey 1 hekk kif kisbu draw drammatiku ta’ 2-2 kontra HK Triglav Predanovci. Għat-tieni logħba konsekuttiva, it-tim Malti sab ruħu żewġ gowls minn taħt iżda għal darb’oħra rnexxielu jirreaġixxi b’karattru kbir biex salva riżultat importanti.

It-tim ospitu fetaħ vantaġġ ta’ żewġ gowls permezz ta’ Dsuban Domen u Mikola Tadej, iżda Qormi ma ċedewx u bdew ir-rimonta tagħhom fit-tieni parti tal-logħba. Luke Bajada kien il-protagonist assolut għat-tim Malti hekk kif skorja ż-żewġ gowls li taw punt prezzjuż lil Qormi. B’dan ir-riżultat, iż-żewġ timijiet spiċċaw bl-istess numru ta’ punti fi grupp A, filwaqt li Qormi issa jħarsu lejn il-finali prestiġjuża kontra l-ġganti Kroati HAHK Mladost.

Sadanittant, Żurrieq Wolves Hotsticks għalqu l-avventura tagħhom fil-EuroHockey Club Challenge II fit-tielet post u kkonfermaw post Malta f’din il-kategorija għall-istaġun li ġej.

Fil-logħba finali tagħhom, iż-Żrieraq sfaw megħluba 12-2 mit-tim ospitu, il-Pollakki ta’ HK Pomorzanin Torun. Dawn tal-aħħar iddominaw il-logħba sa mill-bidu u fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls kmieni. Adam Sobczak u Dmytro Luppa spikkaw għall-Pollakki meta skorjaw erba’ gowls u tliet gowls rispettivament.

Gary Bonnici u Jayden Cutajar skorjaw iż-żewġ gowls tal-Maltin. Għal Bonnici, dan kien il-ħames gowl personali tiegħu fit-turnament, kompetizzjoni li żgur se tibqa’ waħda memorabbli kemm għalih kif ukoll għal sħabu.

Il-kompetizzjoni rat ukoll lil Ġibilta’ u lill-Polonja jiksbu promozzjoni għal Challenge I, filwaqt li l-Iżvezja u l-Litwanja ġew relegati għal Challenge III. Malta, flimkien ma’ Wales u l-Ungerija, żammet postha fil-EuroHockey Club Challenge II.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport