Monday, May 25, 2026

Iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema tal-ARMS Ltd

Aqra wkoll

Ġew iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi ġodda bejn l-ARMS Ltd u l-General Workers’ Union, li jkopru 214-il ħaddiem tal-ARMS Ltd kif ukoll 27 impjegat fil-management tal-istess entità.

Dawn il-ftehimiet huma riżultat ta’ ħidma u diskussjonijiet estensivi bejn il-partijiet kollha, bil-għan li jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, jingħata rikonoxximent aktar ġust għall-kontribut tagħhom, u titkompla l-ħidma biex l-ARMS Ltd tkun f’pożizzjoni aħjar li twassal servizz effiċjenti u ta’ kwalità lill-klijenti tagħha.

Permezz ta’ dawn il-ftehimiet kollettivi, il-ħaddiema se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju mtejjeb, miżuri ġodda marbuta mat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll minn inizjattivi li jindirizzaw anomaliji fil-gradi u fl-istrutturi eżistenti. Dan it-titjib huwa maħsub biex jagħti aktar ċertezza, motivazzjoni u opportunitajiet lill-impjegati, filwaqt li jsaħħaħ l-operat tal-kumpanija.

Waqt l-iffirmar, il-Ministru Miriam Dalli qalet li dawn il-ftehimiet jirriflettu l-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u li japprezza b’mod konkret il-ħidma ta’ dawk li, ta’ kuljum, jagħtu servizz essenzjali lill-familji u lin-negozji. “Wara xhur ta’ ħidma u diskussjonijiet kostruttivi, illum qed nagħtu riżultat konkret lill-ħaddiema tal-ARMS. Dawn huma ħaddiema li jagħmlu xogħol importanti ħafna, direttament mal-pubbliku, u għandhom rwol kruċjali biex is-servizzi relatati mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu aċċessibbli, effiċjenti u ta’ kwalità. Mhux biss qed intejbu l-pakkett finanzjarju tagħhom, iżda qed nagħtu wkoll aktar importanza lit-taħriġ, lill-iżvilupp tal-ħiliet u lil strutturi aktar ġusti fil-post tax-xogħol,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru saħqet li dan il-pass għandu jitqies fil-kuntest ta’ ħidma usa’ tal-Gvern favur stabbiltà, kwalità fis-servizz u appoġġ lill-familji.

“Il-ħidma tagħna mhijiex biss li niżguraw li l-kontijiet jibqgħu stabbli u sussidjati għall-familji u n-negozji, iżda wkoll li nsaħħu s-servizzi lin-nies. Biex dan iseħħ, irridu ninvestu fin-nies li jwasslu dawn is-servizzi. Il-ħaddiema tal-ARMS huma parti importanti minn din il-katina ta’ servizz pubbliku, u għalhekk huwa xieraq li l-kontribut tagħhom ikun rikonoxxut permezz ta’ kundizzjonijiet aħjar, aktar ċertezza u opportunitajiet akbar ta’ progress,” qalet il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS George Azzopardi qal li l-ftehimiet se jgħinu biex tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tal-kumpanija li twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod aktar effettiv, filwaqt li tippromwovi ambjent tax-xogħol aktar ġust, modern u orjentat lejn it-taħriġ kontinwu. “Din hija ġurnata importanti għalina u mument storiku, fejn fost kollox indirizzajna anke xi anomaliji li kien hemm fil-gradi tal-ħaddiema. Ħidma tajba, konġunta li finalment wasslet għal dan il-ftehim, li huwa ftehim verament sodisfaċenti illi jindirizza mhux biss titjib fil-pagi imma anke joħloq inizjattivi ġodda ta’ studju għall-ħaddiema.”

Il-General Workers’ Union laqgħet dawn il-ftehimiet bħala pass importanti ’l quddiem għall-ħaddiema. 

Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Servizzi u Finanzi fi ħdan il-GWU, li kienet responsabbli għall-ftehim tal-management, qalet li dan il-ftehim kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u rringrazzjat lill-membri kollha tas-sapport tagħhom biex jintlaħaq dan il-ftehim. 

Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU, li kien reponsabbli mill-ftehim tal-bqija tal-ħaddiema, qal li dan il-ftehim jirrifletti dak li jemmnu fih bħala GWU, li għandna dejjem nimxu maż-żminijiet.

“Dan il-ftehim huwa frott ta’ dan kollu li aħna ħdimna u li qed inwettqu. Iffirmajna ftehim kollettiv li se jibda mis-sena d-dieħla. Dan ifisser li bħalissa għaddejjin bi ftehim kollettiv li għadu ma skadiex u ffirmajna wieħed ġdid għas-snin li ġejjin. Dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv li qatt iffirmajna qabel ma skada ġewwa s-settur pubbliku,” tenna s-Segretarju Bondin. 

Preżenti għall-iffirmar ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kollettivi kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri u l-President tal-GWU Jason Deguara. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport