Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in- Netball?
L-imħabba tiegħi lejn in-netball bdiet fi żmien is-Sekondarja, meta l-għalliema tiegħi tal-Edukazzjoni Fiżika (PE), Giselle Camilleri, kienet introduċietni għal din il-logħba. Bdejna nirrappreżentaw lill-iskola tagħna f’kompetizzjonijiet bejn l-iskejjel u konna mmorru tajjeb ħafna. Dan ħeġġiġna biex ningħaqdu ma’ klabb, u minn dakinhar baqna nilagħbu sal‑lum, għoxrin sena wara.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Phoenix Netball, u speċjalment hekk kif din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħek bħala kowċ?
Qed inħares lejn din l-esperjenza b’entużjażmu kbir u determinazzjoni. Inħoss li wasalt f’punt fejn nista’ nagħti lura lill-isport li tant tani. Inħossni motivata ħafna biex ngħin lill-plejers taħti jikbru, jiżviluppaw il-logħba tagħhom u jilħqu l-potenzjal tagħhom kemm individwalment kif ukoll bħala tim.
Dejjem xtaqt nasal għal dan il-livell, u nħoss li din l-opportunità ġiet fil-ħin it-tajjeb għalija. Wara l-injury tal-ACL, li waqqfitni milli nkompli nilgħab il-logħba li tant inħobb, bdejt nara aspett differenti tan-netball – li naqsmu l-esperjenza u l-għarfien tagħna ma’ ħaddieħor.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer kemm fuq livell domestiku fejn irbaħt kull unur possibli, kif ukoll dik mat-tim nazzjonali.
Bħala plejer, dejjem tajt kemm niflaħ għall-isport u dejjem ippruvajt nibqa’ konsistenti u dixxiplinata. Matul is-snin għamilt ħafna sagrifiċċji personali biex dejjem inkun nista’ nattendi t-taħriġ u l-logħob, speċjalment fuq livell nazzjonali, għax dejjem ħadt in-netball b’serjetà u b’impenn sħiħ.
Għal snin twal irbaħna l-kampjonat ‘Unbeaten’ u kull darba li lħaqna dan is-suċċess u kull sfida li għaddejna minna għenuni nikber mhux biss bħala plejer, iżda wkoll bħala persuna. It-tim li dejjem lgħabt miegħu, illum magħruf bħala BACKS, dejjem se jibqa’ parti importanti ħafna minn ħajti. Flimkien għaddejna minn ħafna ostakli, mumenti sbieħ u diffiċli, u għalija dejjem kienu aktar minn sempliċiment ‘teammates’ — kienu familja li nibqa’ nirrispetta għal dejjem.
L-esperjenza mat-tim nazzjonali kienet ukoll waħda speċjali immens. Li tirrappreżenta lil Malta huwa unur kbir li dejjem ġarrejt bi kburija. Barra minn hekk, il-komunità tan-netball barra minn Malta hija waħda sabiħa ħafna; sena wara sena nibqgħu nilagħbu kontra xulxin, niltaqgħu u naraw lil xulxin nikbru f’dan l-isport li jgħaqqadna lkoll.
Kemm hu diiferenti r-rwol ta’ kowċ minn dak ta’ plejer?
Bħala kowċ trid taħseb mhux biss fik innifsek imma fit-tim kollu. Bħala plejer tiffoka fuq il-prestazzjoni tiegħek fil-court, waqt li bħala kowċ trid tmexxi, timmotiva u tgħin lil kull plejer jiżviluppa kemm individwalment kif ukoll bħala tim.
Kif tqis il-livell tan-Netball f’pajjiżna fil-preżent?
In-netball f’Malta rajna tkabbir sabiħ matul is-snin, u nemmen bis-sħiħ li se jkompli jikber aktar fil-futur. Din is-sena b’mod partikolari qed nara entużjażmu kbir minn diversi klabbs differenti biex jinvestu fi nurseries taż-żgħar, ħaġa importanti ħafna biex l-isport jibqa’ miexi ’l quddiem u jibni futur b’saħħtu.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala courts nużaw ta’ Ħal Kirkop kemm għat-taħriġ kif ukoll għall-kompetizzjonijiet uffiċjali. Riċentement, infetaħ ukoll court ġdid fil-Marsa, li huwa ferm sabiħ, peró ta’ Ħal Kirkop huwa aktar ideali minħabba t-temp u b’kundizzjonijiet aħjar għall-plejers.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fin-Netball?
Issa li qed nieħu dan il-pass bħala kowċ, nixtieq inkompli niżviluppa ruħi aktar permezz ta’ courses u esperjenzi ġodda biex insir aħjar fil-qasam tal-kowċing.
Fl-istess ħin, dejjem nibqa’ miftuħa għal opportunitajiet ġodda li jgħinuni nikber u nitgħallem.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fin-Netball.
Il-messaġġ tiegħi għal kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fin-netball huwa li jibqa’ jaħdem b’dedikazzjoni u konsistenza. Is-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada. Wara l-injury tal-ACL innutajt kemm kien żmien sabih li difficli nerġa’ nġib lura, ghallura, l-aħħar messaġġ hu li l-importanti li tgawdi l-vjaġġ!

